Nhar it-Tnejn, 13 ta’ Novembru huwa previst li jingħalqu l-provi kollha b’rabta mal-inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia fis-sit ta’ kostruzzjoni li ċeda f’Kordin f’Diċembru li għadda. L-inkjesta pubblika li l-Gvern Laburista ma riedx li ssir tant li vvota kontra mozzjoni li tressqet fil-Parlament mill-Partit Nazzjonalista kienet bdiet il-Ħamis, 10 ta’ Awwissu li għadda.
Il-Ġimgħa l-bord tal-inkjesta sema’ erba’ xhieda oħra fosthom xhieda emozzjonanti ta’ missier Jean Paul, John Sofia. Hu għamel numru ta’ mistoqsijiet u semma numru ta’ nuqqasijiet li ħarġu s’issa mill-inkjesta pubblika. Din l-Inkjesta Pubblika qed tkun immexxija mill-Ombudsman attwali Joe Zammit McKeon, mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara u mill-espert tal-Qorti Mario Cassar.
Huwa esprima t-tama li din l-inkjesta ġġib it-tibdil neċessarju speċjalment fl-attitudni. Qal li jittama li l-industrija tal-kostruzzjoni titħaddem minn nies li għandhom għal qalbhom is-sengħa, l-arti u s-serjetà fuq il-post tax-xogħol biex inċident bħal dawn jiġu evitati.
Tenna li l-aħħar messaġġ li rċieva mingħand ibnu kien lejliet l-inċident fis-7.30am u li fih qallu biex xħin iqum iċempillu. Emmozzjonat qal li meta kien idum ma jarah u kien iċempillu kien jistaqsih għadux ħaj u ibnu kien jistaqsih x’irid u hu kien jgħidlu li ried jisma’ leħnu.
Tenna li din id-diskussjoni kienet tkun biżżejjed biex ikun jaf li ibnu kollox sew imma llum differenti għax ma jistax iċempillu u ma jistax jistaqsih jekk għadux ħaj, għax m’għadux. John Sofia qal li qabel twieled Jean Paul, kien tilef tifel ieħor ħamest ijiem wara li twieled u kważi sena ilu tilef ukoll lil Jean Paul, u għalih id-dinja issa spiċċat.
Iż-żagħżugħ tilef ħajtu fit-3 ta’ Diċembru li għadda waqt li kien fuq il-post tax-xogħol .. hekk kif fi ftit minuti ġġarfet binja f’Kordin… b’konsegwenza li ħalliet żagħżugħ ta’ 20 sena mirdum qalb it-terapien.. filwaqt illi ħames persuni oħra spiċċaw midruba serjament u qattgħu xhur sħaħ l-isptar. Fi kliem il-Bord ta’ Inkjesta il-binja waqgħet qiesha mazz karti.
Il-ġisem mejjet ta’ Jean Paul Sofia mis-Swatar kien ittella’ għall-ħabta tas-2:00 a.m wara operazzjoni delikata li damet għaddejja sigħat twal. L-inkjesta pubblika, bid-differenza ta’ inkjesta Maġisterjali qed tinvestiga l-possibiltà ta’ nuqqas minn naħa ta’ xi entità jew entitajiet tal-istat, u jekk hemmx regolamenti fil-proċessi tal-bini li jeliminaw ir-riskju ta’ korriment.
Dawn huma is-seba’ aspetti li qed tinvestiga l-inkjesta pubblika:
- Jiġi mistħarreġ jekk l-allokazzjoni minn entitajiet tal-Gvern lil AllPlus Limited li tagħha Matthew Schembri u Kurt Buhagiar huma diretturi, tas-sit li fuqu kien qiegħed isir ix-xogħol ta’ kostruzzjoni inkwistjoni, saritx skont il-liġi, b’mod regolari u skont il-proċeduri viġenti, jew xort’ oħra;
- Jiġi investigat u stabbilit jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mod kif saret l-imsemmija allokazzjoni, it-tiġrif tal-binja i l-konsegwenzi tagħha;
- Fil-kuntest ta’ x’ġara qabel, matul u wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, jiġi investigat jekk l-iStat kellux fis-seħħ regolamenti u jekk assigurax l-infurzar ta’ regolamenti, policies, proċessi u obbligi amministrattivi, li kapaċi jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni matul il-fażijiet kollha tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni.
- Jiġi investigat jekk miżuri adekwati għall-prevenzjoni ta’ fatalitajiet u korrimenti minħabba l-iżvilupp u l-kostruzzjoni humiex serjament integrati fil-proċessi kollha relatati ma’ dawn is-setturi.
- Jiġi investigat jekk il-proċess tal-ippjanar, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni għandux fi ħdanu liġijiet, policies, regolamenti, proċessi amministrattivi u miżuri operazzjonijiet xierqa li kemm jista’ jkun jeliminaw ir-riskju ta’ korriment u/jew mewt.
- Jiġi investigat jekk kienx hemm xi enitat tal-iStat, inkluż dawk tal-iżvilupp u l-kotruzzjoni li naqset milli tieħu passi/azzjoni fil-parametri tal-poteri tagħha li f’ġudizzju raġjonevoli kienet mistennija tieħu sabiex tevita risku ta’ korriment u/jew mewt.
- Jitressqu dawk ir-rakomandazzjonijiet kemm regolatorji kif ukoll amministrattivi, skont id-deċiżjoni tal-Bord, sabiex jittieħdu miżuri għat-tisħiħ tas-saħħa u sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni.