It-63 edizzjoni tal-Copa Libertadores kienet mirbuħa għal darb’oħra minn tim Brażiljan, b’din id-darba Fluminense jegħlbu lil Boca Juniors 2-1 fil-ħin barrani. B’din ir-rebħa ta’ Fluminense din hija l-ħames sena konsekuttiva li tim mill-Brażil rebaħ dan l-unur, b’ Flamengo jirbħuha darbtejn fl-2019 u fl-2022, filwaqt li Palmeiras rebħuha sentejn infila fl-2020 u fil-2021.
Barra minn hekk, dan kien l-ewwel darba li Fluminese rebħu l- Copa Libertadores, wara li fallew fuq żewġ okkażjonijiet oħra, bl-iktar waħda riċenti tasal fl-2008 meta tilfu kontra LDU Quito bl-għoti tal-penalties.
Kienu Fluminense li fetħu l-iskor wara 36 minuta permezz ta’ German Cano li xeħet ġewwa minn azzjoni mil-lemin ta’ Keno.
Il-partita ħadet xejra differenti fil-71 minuta meta Luiz Advincula kiseb id-draw għal Boca Juniors, azzjoni mill-isbaħ mid-difensur laterali li b’ġirja veloċi minn nofs il-grawnd qabeż lil Marcelo u kkonkluda b’xutt fir-rokna t’isfel tal-lemin biex b’hekk il-partita marret għall-ħin barrani.
Wara 9 minuti ta’ ħin barrani, John Kennedy skorja l-gowl tar-rebħa b’xutt potenti minn barra ‘l kaxxa biex ikkonferma r-rebħa u ta l-ewwel Copa Libertadores lil Fluminese fl-istorja tagħhom.
Minkejja l-gowl tar-rebħa, il-partita kompliet tipproduċi mumenti drammatiċi sal-aħħar meta l-istess awtur tal-gowl John Kennedy intwera l-karta ħamra ftit sekondi wara hekk kif akkumula t-tieni karta safra tiegħu wara li mar jiċċelebra barra mill-grawnd mal-partitarji.
Ftit minuti wara, Boca Juniors ukoll spiċċaw jilagħbu b’għaxra hekk kif tkeċċa Frank Fabra wara li kkometta foul fuq Nino.
//= $special ?>