Internazzjonali

Iktar minn 100 persuna mejta wara terremot fin-Nepal

Terremot qawwi li laqgħat il-Punent tan-Nepal ħalla mill-inqas 100 persuna mejta, mirduma taħt it-tifrik.

It-terremot li kellu qawwa ta’ 5.6 fuq l-iskala Richter seħħ il-Ġimgħa ftit qabel nofsillejl, ħin lokali. Tliet theżiżiet oħra inħassu wara dan it-terremot, b’ħafna nies għażlu li jqattgħu l-lejl kollu barra minn djarhom fost biża’ ta’ terremot ieħor qawwi u ħsarat kbar fil-bini.

It-terremot inħass kemm fil-belt kapitali tan-Nepal u anke f’villaġġi oħra tal-madwar, anke dawk fl-Indja.

L-isptarijiet tal-madwar jinsabu kollha mimlijin tant li bilkemm qed ilaħqu mal-pazjenti kollha li qed jidħlu.

Ix-xahar li għadda kien seħħ terremot ieħor f’Bajhang li kellu qawwa ta’ 6.3 fuq l-iskala Richter, liema terremot kien ħalla għexieren imweġġa’. Lura fl-2015, il-pajjiż kien esperjenza żewġ terremoti kbar tant li kienu ħallew mad-9,000 persuna mejta u iktar minn 22,300 persuna oħra jsofru minn xi ġrieħi.