Lokali

Il-Kummissarju tal-Pulizija ma jweġibx lill-media u jibqa’ mingħajr azzjoni fuq il-frodi tal-isptarijiet

Kważi ġimgħatejn ilu l-Qorti tal-Appell sabet il-Gvern ħati ta’ kollużjoni flimkien mal-kumpaniji Vitals u Steward.

Aktar minn 8 xhur ilu, il-Qorti ddikkjarat il-kuntratti ta’ tlett sptarijiet nulli, sforz aġir frawdolenti bi ħlasijiet ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro minn fuq it-taxxi tal-poplu.

Minkejja dan sal-lum, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà għadu ma għamel xejn tant li l-Partit Nazzjonalist, flimkien ma’ numru ta’ NGOs, issa spiċċa jappellalu biex jieħu azzjoni issa wkoll bi preżentazzjoni ta’ protest ġudizzjarju fejn qed jinsisti li kull min kien involut f’dawn id-deals għandhom jinżammu personalment responsabbli.

Fid-dawl li mal-ħatra tiegħu bħala Kummissarju tal-Pulizija fl-2020 kien sostna li se jkun viċin in-nies, Net News stieden lil Angelo Gafà għal intervista – madanakollu bqajna mingħajr tweġiba.

U filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija għadu s’issa ma fetaħx investigazzjoni separata b’rabta mal-frodi tal-isptarijiet – fuq in-naħa l-oħra l-Maġistrat Gabriella Vella għaddejja bl-inkjesta maġisterjali – bl-eks Prim Ministru Joseph Muscat jimmina x-xogħol tagħha fuq it-televiżjoni u jisħaq li m’għandux fiduċja fil-ħidma tagħha.

Għaldaqstant, Net News aktar tard is-Sibt filgħodu staqsa lis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul jekk għandux fiduċja fil-ħidma tal-Maġistrat Vella…b’Ellul jisħaq li għandu fiduċja fl-istituzzjonijiet kollha.

Dan filwaqt li mistoqsi jekk jikkundannax id-diskors ta’ Joseph Muscat Ellul insista li hu se jibqa’ jiddefendi l-istituzzjonijiet.

Ebda kundanna għal attakk ta’ Muscat minn naħa ta-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru…..u s’issa ebda tweġiba minn naħa tal-Kummissajru tal-Pulizija.

Silenzju li jtarrax waqt li l-poplu jibqa’ jistenna li ssir ġustizzja.