Erba’ ġimgħat wara li l-Hamas bdew jattakkaw lil Iżrael, militanti tagħhom spiċċaw ixandru filmat tal-vittma tagħhom, mejta mal-art f’għadira demm… filmat li ġie xxerjat fuq Facebook tagħha stess.
Bint il-vittma qalet kif ommha kienet għadha kif kelmitha fejn qaltilha li qed tisma’ l-isparaturi qrib tagħha, bil-kuntatt jinqata’ ftit tal-ħin wara. Kien biss permezz ta’ notification fuq Facebook meta mhux biss il-qraba tagħha skoprew li mietet iżda saħansitra setgħu jaraw il-katavru t’ommhom f’filmat xokkanti li l-militanti tal-Hamas stess xerdu fuq il-profill tal-vittma stess.
Dan l-istess filmat tniżżel minn fuq Facebook, bil-media ntalbet biex ma xxerridx dan l-istess filmat b’rispett tal-qraba tal-vittma.
Fl-aħħar sigħat ukoll, l-awtoritajiet tal-Hamas irraportaw kif mill-inqas 13-il persuna sfaw mejta wara attakk li sar quddiem l-ikbar sptar f’Gaza. F’filmat li ġie ppublikat minn midja internazzjonali jidhru diversi persuni mixħuta mal-art mejta jew bi ġrieħi serji. Fost dawk li nlaqtu kien hemm ukoll ambulanza.
Ġimgħat wara li beda l-ġlied bejn iż-żewġ pajjiżi, l-awtoritajiet Iżraeljani qalu kif s’issa, iktar minn 1,400 persuna sfaw mejta u iktar minn 230 persuna oħra li ġew maħtufa.
Minn naħa l-oħra, il-Hamas qed jgħidu li f’Gaza mietu iktar minn 9,000 persuna, b’70% tagħhom ikunu nisa u tfal.
Intant, quddiem dan kollu, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu rrifjuta li temporanjament iwaqqaf l-ibbumbardjament fuq Gaza, b’dawn l-attakki jgħid li se jibqgħu jseħħu sakemm tal-Hamas jeħilsu mill-ostaġġi Iżraeljani.
F’laqgħa li kellu mas-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken appella biex l-attakki jieqfu filwaqt li qal dwar il-bżonn li l-Iżrael tipproteġi liċ-ċivili matul l-attakki.
//= $special ?>