Ġimgħatejn wara li l-Qorti tal-Appell stabbiliet li fid-deal frawdolenti tal-Isptarijiet kien hemm kollużjoni bejn il-Gvern tal-Labour u Vitals u Steward, Robert Abela għadu ma qalx kif se jġib l-400 miljun ewro li nsterqu mill-poplu Malti u Għawdxi.. u sal-lum għadu qed jippersisti milli jiftaħ kawża konra Vitals u Steward.
Waqt intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu, Abela ma għamel ebda referenza għal dan is-serq li sar mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi… dan filwaqt li kif saret il-prassi… infexx f’attakk partiġġjan fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista.
F’din l-intervista, Robert Abela tenna li l-budget li ippreżenta l-Gvern tiegħu huwa wieħed tan-nies, dan minkejja l-kritika kontinwa li affaċċja minn diversi unions, għaqdiet u korpi kostitwiti wara d-diskors tal-budget.
Tkellem ukoll fuq kif, skontu, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna huwa 10 darbiet akbar mill-medja Ewropea. Dan meta l-ekonomija ta’ pajjiżna tinsab f’kollass totali minħabba l-isplużjoni fil-popolazzjoni. Ekonomija li qed tiġi kkritikata kontinwament għaliex pajjizna jeħtieġ bidla fil-mudell adottat bħalissa.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-edukazzjoni, fejn naqas li jsemmi l-fatt li l-Budget ma indirizzax l-kriżijiet li bħalissa qed jaffaċja s-settur edukattiv ta’ pajjiżna – li ra nuqqas sostanzjanli fl-għalliema, wara numru ta’ riżenji f’dawn l-aħħar xhur.
Robert Abela tkellem ukoll fuq it-tkabbir fis-settur tad-diżabbiltà – settur li f’dawn l-aħħar xhur kien diskuss ferm minħabba l-iskandlu tas-serq mill-benefiċċji soċjali. Serq minn ħalq in-nies l-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Dan kollu juri kemm il-Prim Ministru u l-Gvern tal-Labour huwa maqtugħ totalment mir-realtà li qed jaffaċċja l-poplu Malti u Għawdxi hekk kif qed jibqa’ jsabbat saqajh u jinjora totalment dak li bosta individwi, unions u korpi kostitwiti qed appellawlu sabiex itejjeb l-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna
//= $special ?>