Sport Waterpolo

Bonello DuPuis isalva penalty lejn it-tmiem u jagħti rebħa minima lil Sirens

SIRENS…………………………………. 5

NEPTUNES VIDEOSLOTS…….. 4

(1-3), (0-0), (3-0), (1-1)

Il-gowlkiper żagħżugħ Matthew Bonello DuPuis spiċċa kien l-eroj ta’ Sirens meta salva penalty lejn it-tmiem u żamm il-gowl vantaġġ ta’ Sirens. It-tim ta’ Ranko Perovic irnexxielu jirkupra minn bidu kajman u b’reazzjoni tajba dawwar ir-riżultat u żamm il-vantaġġ.

Neptunes fuq in-naħa l-oħra naqqsu li jibnu fuq l-ewwel sessjoni pożittiva li kellhom. Il-gowls ta’ Sam Gialanze, Julian Valletta u Alec Fenech dehru li setgħu jwittu t-triq għal rebħa tajba.

Madankollu n-nuqqas ta’ preċiżjoni fl-attakk u l-man-ups mitlufa kienu detrimentali. Ir-rimonta ta’ Sirens kienet kompluta fit-tielet sessjoni bi tliet gowls mingħajr risposta ta’ Jerome Zerafa Gregory, Matthias Azzopardi u Gianni Farrugia, b’tal-aħħar jagħmilhom 5-3 fl-aħħar sessjoni minn penalty.

Sam Gialanze naqqas id-distakk meta kien għad fadal nofs sessjoni għat-tmiem. Neptunes saħansitra kellhom iċ-ċans li jġibu d-draw 45 sekonda mit-tmiem wara penalty minn Matthias Azzopardi. Inkariga ruħu Gialanze iżda Bonello DuPuis għażel in-naħa t-tajba u b’abbiltà salva x-xutt, b’Sirens jikkontrollaw sat-tmiem.

Sirens: M. Bonello Dupuis, P. Serracino, K. Erdogan, P. Borg, J. Zerafa Gregory (1), J. Cachia (1), M. Chircop, I. Riolo, K. Agius, G. Farrugia (2), M. Azzopardi (1), I. Schembri, M. Ortoleva

Neptunes: A. Borg Cole, L. Mallia, S. Gialanze (2), G. Pace, J. Valletta (1), D. Bugeja, M. Castillo, J. Camilleri, R. Spiteri, J. Bajada, A. Fenech (1), E. Mallia, M. Farrugia, M. Aquilina, A. Fava

Referees: Peter Balzan, Neville Mercieca

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…. 15

EXILES WELBEE’S………………… 9

(5-2), (1-1), (4-2), (5-3)

San Ġiljan aċċertaw mit-tieni rebħa fil-kompetizzjoni. Kif mistenni għelbu lil Exiles Welbee’s iżda tħabtu ftit iktar milli mistenni, kawża anki li ma kinux bl-aqwa formazzjoni l-ħin kollu. F’waqtiet mil-logħba, Exiles kienu oppożizzjoni denja għalkemm għajr l-ewwel ftit mumenti, qatt ma kellhom il-vantaġġ.

Il-Ġiljaniżi bnew vantaġġ ta’ 5-1 fl-ewwel sessjoni b’gowls li wasslu kollha minn plejers differenti. Exiles irnexxielhom iżommu ftit ir-ritmu tal-avversarji u saħansitra sa nofs it-tielet sessjoni kienu jinsabu biss 7-5 minn taħt.

Dak kien il-mument biex San Ġiljan jgħollu l-livell u aċċertaw mir-rebħa bi tliet gowls fit-tieni parti tas-sessjoni. Il-Ġiljaniżi komplew jikkontrollaw il-logħba mingħajr diffikultà, b’gowls fl-aħħar ta’ Shailon Cutajar u Nikolai Zammit issiġillaw ir-rebħa b’vantaġġ ta’ sitt gowls.

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (1), A. Galea (4), N. Bonavia, R. Caruana, M. Zammit (2), J. Bonavia (1), D. Tully, J. Abela (2), N. Zammit (2), D. Zammit (1), N. Schiavone (1), G. Borg, S. Cutajar (1), A. Formosa

Exiles: M. Castillo, Z. Cutajar Licari (1), Z. Micallef, D. Pace Lupi (1), M. Martellacci (1), M. Paris Roding, M. Fenech (2), K. Griscti (2), L. Pursehouse, K. Tanti, M. Aquilina (1), N. Saliba (1), J. Bonello, N. Burlin

Referees: Stefan Licari, Ronnie Spiteri

VALLETTA IZIBET……………… 8

BIRŻEBBUĠA FREEPORT….. 7

(3-3), (2-1), (1-1), (2-2)

Valletta Izibet ddebuttaw fil-kompetizzjoni b’rebħa missielta kontra Birżebbuġa Freeport. Għalihom għamlu d-debutt Simon Mallia, Cain Cutajar, Julian Farrugia u Matthew Mifsud. Birżebbuġa setgħu jesprimu ruħhom aħjar kontra avversarji tal-livell tagħhom.

Il-bilanċ li offriet l-ewwel sessjoni kienet preludju ta’ kif kellha tiżvolġi l-logħba. Vantaġġ għal Valletta minn man-up, Birżebbuġa dawru l-iskor u l-istess għamlu Valletta ftit wara, b’Neil Cassar jagħmilhom 3-3 minn man-up.

Il-Beltin ħadu vantaġġ minimu ta’ 5-4 fit-tieni sessjoni b’gowl eżatt mat-tmiem. Ir-risposta ta’ Birżebbuġa waslet fit-tielet sessjoni permezz ta’ Dwayne Farrugia iżda Julian Farrugia minn man-up ħalla lil Valletta minn fuq. Minkejja l-isforzi tagħhom, Birżebbuġa qatt ma reġgħu ġabu l-iskor indaqs u setgħu biss iwieġbu wara gowls tal-avversarji.

Valletta: B. Busuttil, S. Mallia (1), C. Cutajar (1), J. Farrugia (1), S. Busuttil, M. Demarco, M. Mifsud (1), J. Saliba, K. Borg (2), A. Agius (1), J. Culic (1), K. Cremona, A. Bugeja

Birżebbuġa: M. Sladden, S. Bezzina (1), N. Cassar (1), M. Cassar, N. Fenech, M. Manara, J. Cauchi, I. Galea, D. Farrugia (2), M. Cutajar, G. Mannino (1), M. Curmi (2), S. Livori, J. Abdilla, N. Chlach

Referees: Massimo Angileri, Alex de Raffaele

Logħob li jmiss

L-Erbgħa 8 ta’ Novembru

Marsaskala v Sirens        6.30pm

San Ġiljan v Valletta        7.40pm