Budget 2024 Lokali

“Budget bla soluzzjonijiet u mingħajr viżjoni fit-tul” – Jerome Caruana Cilia

Waqt l-attivita’ politika “Ħajja Aħjar f’Pajjiżna” li saret f’San Ġwann, il-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia sostna li l-Budget 2024 hu budget bla soluzzjonijiet u mingħajr viżjoni fit-tul, u li naqas milli jindirizza l-ikbar kriżijiet f’pajjiżna… fosthom it-traffiku, l-għoli tal-ħajja, l-isfidi fis-setturi tal-edukazzjoni u s-saħħa, it-tniġġiż, kif ukoll il-nuqqas ta’ governanza u meritokrazija. Hu rrefera għal Budget bħala “l-Budget ta’ Gvern li għejja”.

B’referenza għat-titlu tal-Budget, “Malta Ġusta”, Caruana Cilia semma diversi sitwazzjonijiet fejn Malta filfatt mhix ġusta għal diversi persuni, fosthom għal dawk li ilhom żmien twil fil-waiting list tal-isptar li jispiċċaw iħallsu għall-privat. Semma wkoll jekk Malta hix ġusta għall-dawk b’dizabbilita’, b’referenza indiretta għall-iskandlu tal-benefiċċji soċjali. Fakkar ukoll fit-80,000 persuna li ma jifilħux spiża għall-għarrieda. Hu staqsa jekk Malta hix ġusta għall-qraba u l-ħbieb ta’ Jean Paul Sofia… tant li ommu Isabelle spiċċat tittallab quddiem il-Parlament għal ġustizzja għal binha.

Jerome Caruana Cilia semma li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ma semma xejn dwar kif il-Gvern se jġib lura l-€400 miljun mill-iskandlu tal-isptarijiet tal-Vitals u Steward, u dwar kif il-Gvern kien kompliċi ma dan l-iskandlu. Caruana Cilia irrefera għal Caruana bħala “champion tad-dejn”, u kif bħala Ministru hu għamel iżjed dejn milli għamlu kull Ministru tal-Finanzi f’daqqa min mindu Malta saret Indipendenti.

Hu semma kif sal-2026, id-dejn ta’ Malta ser ikun ‘l fuq mit-€13 biljun, kif ukoll li din is-sena, il-poplu ħallas €4 miljun ewro fil-ġimgħa għad-dejn.

Id-diversi surveys li ħarġu f’dawn l-aħħar ftit xhur urew li l-Gvern u pajjiżna sejrin lejn id-direzzjoni l-ħażina, u l-Budget ma uriex viżjoni fit-tul. Il-Budget ma ndirizzax il-kwalita’ tal-ħajja li tixraqlek.

Il-Partit Nazzjonalista ħareġ numru ta’ soluzzjonijiet għan-nuqqasijiet tal-Budget, u sostna li l-Partit itina l-għodda sabiex nimirħu l-quddiem, b’viżjoni ta’ eċċellenza.