Futbol Sport

Floriana konvinċenti u jerġgħu jilħqu lil Ħamrun Spartans

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Neil Camenzuli

FLORIANA……………………………..3

SIRENS…………………………………..0

Floriana: G.Kitanov, O.El Hasni, M.Veselji (A.Magri Overand 83’), U.Arias, K.Reid, M.Nogureira, D.Vella, L.De Garzia, C.Zammit, M.Valadzko, A.Kouro

Sirens: A.Cassar, T.Almeida, P.Boakye, N.Pulis, D. vOpoku, M.Akadom (F.Boateng 74’), A.Cini, K.Donsu (J.Perea 80’), D.Jackson, M.Moro (C.Agyemang 29’), G.Rocha

Imwissija: M.Nogureira 15’ (F), M.Akadom 29’, T.Almeida 73’ (S)

Skorjaw: O.El Hasni 65’, K.Reid 80’, L.De Garzia 88’ (F)

Referee: Daniel Casha

Assistenti Referees: Alan Camilleri u Vasil Vasilev

BOV Plejer tal-Logħba: Oualid El Hasni  (F)

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Lorenzo De Garzia (F)

Floriana għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 3-0 biex reġgħu lura għar-rebħ wara ż-żewġ draws konsekuttivi li kellhom. Tlett gowls fit-tieni taqsima taw ir-rebħa meritata lill-Furjaniżi. Fil-kamp l-ieħor ikompli jikber l-inkwiet għal Sirens hekk kif l-ewwel seba’ partiti huma akkumulaw biss żewġ punti.

Floriana issa jinsabu fl-ewwel post ma’ Ħamrun Spartans, hekk kif iż-żewġ timijiet jinsabu b’17-il punt.

L-ewwel azzjoni denja nota waslet għal Floriana wara 12-il minuta b’daqqa ta’ ras fil-baxx ta’ Reid minn kross mix-xellug tirriżulta f’save tajjeb ta’ Cassar.

L-ewwel nofsija ma tipproduċi l-ebda azzjoni apparti d-daqqa ta’ ras Reid fit-12-il minuta, bil-Furjaniżi jiddominaw il-pussess u jipprovaw joħolqu l-azzjonijiet.

Sirens kellhom l-ewwel tentattiv għall-gowl fis-36 meta minn ġirja personali tas-sostitut Agyemang mix-xellug qasam lil Pulis li ttanta xortih minn tarf il-kaxxa, bil-ballun jgħaddi barra ħafna.

Ċans tad-deheb għal Floriana fl-aħħar mumenti tal-ewwel taqsima tasal minn azzjoni personali ta’ Nogureira li lagħab f’saqajn Reid li kkrosja fil-baxx lejn in-nofs tal-kaxxa fejn sab lil Vella li ma rnexxielux jikkonkludi fix-xibka bid-difensuri ta’ Sirens jikklerjaw il-ballun.

L-ewwel taqsima tintemm fi draw ta’ 0-0, b’Floriana bla dubju jkunu l-aħjar tim.

Sirens ħarġu b’iktar intensità fit-tieni taqsima, bit-tim minn San Pawl il-baħar ifittex li jiksbu l-ewwel tlett punti fil-kampjonat.

Floriana bl-ewwel ċans tat-tieni taqsima jasal fil-55 minuta minn xutt minn barra l-kaxxa ta’ De Garzia li spiċċa barra mill-pass preċiż tad-difensur laterali Valadzko.

Fit-62 minuta Floriana fetħu l-iskor permezz tal-captain Oualid El Hasni li xeħet ġewwa b’daqqa ta’ ras potenti mill-viċin minn korner mil-lemin wara li d-difensuri ta’ Sirens ma rnexxielhom ibiegħdu l-periklu.

Sirens irrispondew fis-70 minuta b’konklużjoni mix-xellug ta’ Akadom tispiċċa f’idejn Kitanov.

Fl-74 minuta freekick ċentrali tal-midfielder Arias li wasal minn foul kommess ta’ Almeida fuq Reid jgħaddi viċin tal-wieqfa tax-xellug.

Ftit minuti wara intervent tajjeb mill-goalkeeper Cassar mit-tentattiv baxx ta’ De Garzia minn barra l-kaxxa.

Fit-80 minuta Kemar Reid ikkonkluda b’konklużjoni mill-isbaħ fir-rokna t’isfel tal-lemin wara ġirja veloċi mix-xellug sabiex irdoppja l-iskor għat-tim tieghu, bil-Furjaniżi issa iktar komdi bis-sitwazzjoni tal-partita.

Floriana komplew ikabbru l-vantaġġ fit-88 minuta meta Lorenzo De Garzia skorja gowl pinġut minn barra l-kaxxa indirizzat lejn ir-rokna ta’ fuq tal-lemin.

Prestazzjoni mill-aqwa fit-tieni taqsima, biex b’hekk Floriana għal darb’oħra jilħqu lil Ħamrun Spartans fil-quċċata tal-klassifika.