Il-Pulizija Ġermaniża kellha tgħaddi minn sigħat ta’ tensjoni biex tikkonvinċi raġel biex iċedi wara li hu kien saq karozza għal fuq il-mitjar tal-ajruport ta’ Hamburg – u fejn kien akkumpanjat minn bintu ta’ erba’ snin.
Id-drama, li bdiet is-Sibt, damet għal 18-il siegħa u l-awtoritajiet qed jinvestigaw kif ir-raġel seta’ isuq minn zona tas-sigurtà sakemm ipparkja l-karozza taħt wieħed mill-ajruplani. Ir-raġel, issa, jinsab taħt arrest wara li ċeda lill-pulizija mingħajr reżistenza – u filwaqt li bintu tinsab qawwija u sħiħa.
Mhux eskluż li r-raġel ‘kien jaf eżatt x’kien qiegħed jagħmel’ waqt li kien qed isuq fid-direzzjoni tal-ajruplan, tal-linja Turkish Airlines.
Dan ukoll wara li r-raġel spara żewġ tiri fl-ajru filwaqt li waddab xi fliexken bil-fjammi ħerġin minnhom mill-karozza. Il-fliexken x’aktarx li kienu molotov cocktails iżda mhux ċert li r-raġel tassew kien qed iġorr l-isplussivi.
L-awtoritjaiet jemmnu li s-sitwazzjoni kienet kollha dovuta għal tilwima dwar il-kustodju tat-tifla – li ommha kienet irrappurtat ‘il-ħtif’ ta’ bintha qabel l-eqqel tad-drama.
Ingħad ukoll li r-raġel ma qabilx mal-awtoritjiet rigward l-arranġamenti għall-kustodju tat-tifla u li hu xtaq li jitlaq magħha lejn it-Turkija.
Intant, it-titjiriet mill-ajruport ta’ Hamburg baqgħu wieqfa għal sigħat u sakemm il-kriżi kienet solvuta.
//= $special ?>