Budget 2024 Lokali

Il-Gvern jaħbi l-fatt illi naqqas il-flus għall-iskejjel

Wara li s-sena l-oħra qaċċat il-Budget tal-Universita, din is-sena il-Gvern ta’ Robert Abela dar għal fuq l-iskejjel. Bil-Ministru Clyde Caruana jkompli jnaqqas l-investiment fis-settur tal-edukazzjoni, hekk kif issa se jqaċċat ammont sostanzjali ta’ fondi li kienu jmorru għall-Klabb 3-16 u l-Breakfast Club fl-iskejjel tal-Gvern.

Dan ġie żvelat fl-editorjal tal-MaltaToday tal-Ħadd, hekk kif fil-Budget tat-Tnejn li għadda – il-Ministru Clyde Caruana naqas milli jsemmi dan it-tnaqqis fid-diskors tiegħu, u inkludih baxx baxx fl-estimi tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.

L-editorjal spjega illi dan it-tnaqqis huwa sinifikanti – dan għaliex Klabb 3-16 waħdu, se jkun qed jitlef kważi nofs il-fondi li kien qed jieħu; daqqa kbira li minnha se jbatu it-tfal u l-ġenituri.

L-editorjal tkellem ukoll dwar kif dan it-tnaqqis sostanzjali ta’ fondi se jkun qed jirriżulta f’nuqqas ta’ kwalità fis-servizz li jiġi provdut, hekk kif il-probabbiltà hi li jonqsu l-ħaddiema li jagħmlu dan ix-xogħol. Bir-riżultat li n-numru tal-għalliema ma jibdiex ilaħħaq man-numru ta’ studenti – u għalhekk jiżdiedu l-problemi li diġa qed jaffaċjaw l-għalliema Maltin. 

Dawn l-inizjattivi, kienu parti mill-għajta ta’ Gvern Laburista fis-sena tal-2014 – fejn kienu parti mill-pjan tal- work-life balance li ried isaħħaħ il-Gvern ta’ Joseph Muscat…bil-għan li t-tfal tal-iskejjel tal-Gvern jibqgħu wara l-ħin tal-iskola sakemm il-ġenituri jkunu jistgħu jiġbruhom wara x-xogħol. Inizjattivi li issa, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jitfa’ fil-ġenb.

Dan kollu qed iseħħ wara li l-Gvern ta’ Robert Abela, fil-Budget ippreżentat il-ġimgħa l-oħra, naqas milli jindirizza l-kriżi li qed taħkem is-sistema edukattiva, fejn numru ta’ għalliema fl-aħħar xhur irreżenjaw mill-kariga tagħhom minħabba diversi diffikultajiet. Dan filwaqt li l-Budget naqas ukoll milli jindirizza l-għalliema li huma klassifikati bħala ‘supply teachers’.