Budget 2024 Lokali

Il-Gvern ta’ Robert Abela ressaq Budget bla sustanza u soluzzjonijiet

Id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN li se jkun qiegħed jixxandar fuq il-mezzi kollha tax-xandir u l-Partit Nazzjonalista se jwassal il-viżjoni tiegħu biex il-poplu jingħata mill-ġdid l-aqwa u l-aħjar kif jixraqlu.

Bernard Grech, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni, għada filgħaxija fil-Parlament se jfisser il-viżjoni ekonomika ta’ eċċellenza biex il-pajjiż jerġa’ jinbena u l-poplu Malti u Għawdxi jkollu ħajja u futur sabiħ.

Fil-jiem li għaddew Bernard Grech flimkien ma’ numru ta’ esperti oħrajn f’materji varji, kien qiegħed jaħdem bi preparazzjoni għad-diskors tiegħu t’għada biex jassigura li jwassal il-viżjoni ċara li għandu l-Partit Nazzjonalista biex mill-ġdid il-poplu Malti u Għawdxi jingħata l-kwalità tal-ħajja li jixraqlu. Għaliex hu prinċipju indiskuss li għall-Partit Nazzjonalista li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu biss l-aqwa u l-aħjar f’kull aspett tal-ħajja.

Dwar dan kollu fil-jiem li għaddew tkellimt ma’ Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li tlabtu jfisser xi jkun qiegħed jiġri f’dawn il-jiem b’rabta mal-preżentazzjoni tad-diskors li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni jkun qiegħed iħejji. Id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni se jkun qiegħed jixxandar għada fuq il-mezzi kollha tax-Xandir ftit tal-ħin wara s-6.30pm.

Michael Piccinino qal li wara li nhar it-Tnejn li għadda Clyde Caruana ressaq id-Diskors tal-Baġit u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ta l-ewwel reazzjonijiet għalih, il-Partit Nazzjonalista stenna wkoll ir-reazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u tal-korpi kostitwiti. Għaliex hu importanti li wieħed jistenna u jisma’ b’attenzjoni dak kollu li jkollhom xi jgħidu kemm l-istess imsieħba soċjali u anki l-korpi kostitwiti.

Barra minn hekk f’dawn il-jiem Bernard Grech ingħata mill-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista l-ħsibijiet tagħhom għall-Baġit tat-Tnejn li għadda biex hekk quddiemu kellu firxa ta’ materjal mill-aktar validu u importanti li issa kien jeħtieġlu li jkun studjat invista tad-diskors li jrid isir għada.

Michael Piccinino kompla li barra minn hekk jikkumplimenta wkoll dan il-materjal kollu hemm diġà d-diversi proposti u dokumenti li nħarġu mill-Partit Nazzjonalista matul ix-xhur li għaddew. Dak li mbagħad ikun qiegħed jiġri hu li Bernard Grech flimkien ma’ tim ta’ esperti fid-diversi materji jibdew jaħdmu biex jinsġu flimkien dan il-materjal kollu u finalment jipproduċu diskors studjat u b’viżjpni ċara.

Naturalment dan mhux xi eżerċizzju faċli għaliex l-opportunità ta’ għada hi waħda ferm importanti għall-Kap tal-Oppożizzjoni biex juri lill-poplu Malti u Għawdxi l-viżjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista għall-futur ta’ pajjiżna.

Hu żied li l-okkażjoni ta’ għada tagħti l-opportunità wkoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni li jfiehem lill-poplu x’inhi l-politika tal-Partit Nazzjonalista llum u għaliex illum il-Partit Nazzjonalista qiegħed ikompli jissaħħaħ u jinbena biex ikun gvern alternattiv għall-Gvern ta’ Robert Abela li hu mifni bil-problemi; li hu dahru mal-ħajt u bla tweġibiet quddiem kriżijiet serji; u li issa anki nstab mill-Ewwel Qorti u mill-Qorti tal-Appell ħati ta’ ftehim frawdolenti u issa ta’ ftehim b’kollużjoni li wasslu għal serqa ta’ xejn inqas minn €400 miljun mit-taxxi tal-poplu.

Michael Piccinino fisser li jekk wieħed b’mod oġġettiv janalizza bis-serjetà d-Diskors tal-Baġit tat-Tnejn li għadda, isib li l-Gvern ta’ Robert Abela mhux jippreżenta lill-poplu soluzzjonijiet għal diversi kriżijiet urġenti li għandna fil-pajjiż, fosthom għad-defiċit dejjem jiżdied; għad-djun dejjem telgħin; għall-qasam tas-saħħa fejn il-waiting lists reġgħu splodew u fejn il-mediċini out-of-stock saru l-ordni tal-ġurnata; għall-għoli tal-ħajja u għall-faqar dejjem jiżdied madwarna; għaż-żieda bla ppjanar li għandna fil-popolazzjoni li qed twassal għal servizzi li mhumiex ilaħħqu mad-domanda; għat-traffiku kullimkien f’kull ħin tal-ġurnata; għall-edukazzjoni fejn l-affarijiet jidher li sejrin lura bħall-granċ; għall-ġustizzja fejn il-Qrati tagħna qegħdin fuq l-għatba li jaraw is-sistema tikkollassa għalkollox; għal Għawdex fejn il-ħtieġa tar-raba’ vapur anqas biss tissemma’…

Michael Piccinino qal li kien qiegħed isemmi dawn il-kwistjonijiet kollha għaliex fl-aħħar mill-aħħar hu l-poplu Malti u Għawdxi li qiegħed jitkellem dwar dawn it-temi. Jekk dawn il-kwistjonijiet qegħdin inaqqru mis-serħan tal-moħħ tal-poplu allura l-Partit Nazzjonalista bilfors li jrid ikun il-vuċi tal-istess poplu Malti u Għawdxi u jsemmi l-karba tiegħu. U għada fil-Parlament dak li se jkun qiegħed jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista… iva għada fil-Parlament Bernard Grech se jkun qiegħed iġib għall-attenzjoni ta’ kulħadd lista twila ta’ problemi serji li għandu pajjiżna quddiemu iżda sadattant il-Gvern ta’ Robert Abela mhux jaġixxi u wisq inqas fid-Diskors tal-Baġit tiegħu qiegħed jgħid li se jindirizza fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Hu qal li l-poplu Malti u Għawdxi hu inkwetat bil-kbir b’diversi affarijiet oħra serji… fosthom bil-mod kif l-istituzzjonijiet mhux jitħallew jaħdmu u jiffunzjonaw kif mistenni f’soċjetà suppost demokratika; kif il-Gvern ta’

Robert Abela hu passiv quddiem ċerti reati serji ħafna u li jammontaw is-serq jew il-misapproprijazzjoni tal-miljuni tal-ewro jew tal-mijiet tal-eluf tal-ewro.

Pajjiżna ma jistax jibqa’ għaddej b’din ir-rankatura ’l isfel fejn għandna Gvern korrott li qiegħed jirrombla fuq kulħadd bla ebda skrupli ta’ xejn kif issa rriżulta wkoll mill-Qrati tal-Ġustizzja. U hu għalhekk li l-poplu xeba’ u ddejjaq b’din l-attitudni li żgur li qatt ma xtaq li jkollna f’pajjiżna fejn min qiegħed imexxi flok ifittex il-veri interessi ta’ pajjiżna, qiegħed ifittex interessi perikolużi.

Michael Piccinino kompla li anki jekk wiegħed b’mod oġġettiv jagħsar ir-reazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u tal-korpi kostitwiti kollha jislet konklużjoni waħda… dawn qegħdin f’karba kollettiva biex id-direzzjoni ta’ pajjiżna tfittex tinbidel mil-lum għal għada.

Għax apparti mill-fatt li l-mudell ekonomiku tal-Gvern ta’ Robert Abela falla u falla bl-aktar mod evidenti, il-problema hi li issa l-istess Gvern ta’ Robert Abela m’għandux viżjoni ċara u fattibbli għal pajjiżna.

Hu proprju f’dan ix-xenarju delikat li għada Bernard Grech se jkun qiegħed iwassal id-diskors tiegħu… diskors ferm importanti ta’ tama u ta’ xaqq dawl għall-futur ta’ pajjiżna u għall-futur tal-familji tagħna u ta’ wliedhom. Għaliex il-qtugħ ta’ qalb jinħass u ħafna huma dawk li jixtiequ li jdabbru rashom lil hinn minn pajjiżna. Iżda pajjiżna lil dawn kollha għandu bżonnhom biex jerġa’ jinbena u jkollu futur san u sabiħ, temm Michael Piccinino.