L-Istati Uniti hi impenjata biex issostni l-isforzi umanitarji għall-poplu ta’ Gaza li qed jgħix kalvarju sħiħ taħt il-bumbardamenti u l-offensiva mill-art tal-qawwiet Iżraeljani….Attakki li qegħdin isiru b’għan wieħed – f’dan il-każ l-eliminazzjoni tal-grupp terroristiku Ħamas li fis-7 ta’ Ottubru invada Iżrael minn Gaza bir-riżultat li mal-1,400 ċivili spiċċaw maqtula.
Waqt li l-Awtorità Palestinjana u l-pajjiżi Għarab qed jinsistu għal waqfien mill-ġlied immedjat f’Gaza, l-Istati Uniti – u daqstant ieħor Iżrael – mhumiex jaqblu dwar dan il-pass. Huma qed jinsistu li waqfien mill-ġlied għandu jservi biex il-Ħamas jorganizza ruħu aħjar bil-ħsieb li jwettaq attakki terroristiċi ġodda fuq l-Iżraeljani.
Madankollu, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken, waqt laqgħa li kellu mal-President tal-Awtorità Palestinjana Mahmoud Abbas, ikkonferma l-impenn tal-Istati Uniti għat-trasport tal-għajnuna lejn Gaza u biex ir-residenti fit-territorju jkollhom mill-ġdid is-servizzi essenzjali għall-għajxien ta’ kuljum.
Blinken u Abbas iddiskutew l-isforzi għar-restawr tal-kalma u stabbilità fix-Xatt tal-Punent u biex tieqaf il-vjolenza estremista kontra l-Palestinjani. Blinken spjega wkoll li l-Istati Uniti hi impenjata biex tavvanza miżuri ugwali ta’ sigurtà għall-Iżraeljani kif ukoll għall-Palestinjani, b’Washington qed jaħdem anki lejn ir-realizzazzjoni tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-Palestinjani biex iwaqqfu Stat għalihom.
Min-naħa tiegħu, Mahmoud Abbas irrefera għall-qtil tal-Palestinjani f’Gaza bħala ġenoċidju u qal li dawn huma vittmi tal-magna tal-gwerra’ Iżraeljana. Abbas akkuża lil Iżrael li mhux jirrispetta l-prinċipji tal-liġi internazzjonali iżda r-rapporti mil-laqgħa indikaw li hu ma tkellimx b’mod konkret dwar il-massakri tal-familji Iżraeljani waqt l-inkursjonijiet tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas.
In-Nazzjonijiet Uniti, li qed issegwi bir-reqqa l-iżviluppi f’Gaza, qalet li fil-preżent hemm mal-1.5 miljun refuġjat f’Gaza. Sadanittant, ir-rapporti minn Gaza qalu li l-ammont tal-Palestinjani maqtula minn Iżrael, mis-7 ta’ Ottubru ‘il hawn, huma viċin ħafna l- 10,000.
Filmati miġbudin mill-ajru u s-sistemi ta’ tracking bis-satellita komplew jikkonfermaw li t-terroristi tal-Ħamas qegħdin jisparaw kontinwament il-missili lejn Iżrael minn qalb iz-zoni taċ-ċivili iffullati bil-familji. Is-siti għall-attakki indikati huma viċin ħafna tal-iskejjel, sptarijiet, residenzi u faċilitajiet għal servizzi umanitarji.
Filmat partikulari qabad il-mument meta t-terroristi f’Gaza sparaw ir-rokits mill-qalba ta’ ort, ftit metri biss ‘il bogħod minn impjant għat-trattament tal-ilma finanzjat mill-Unjoni Ewropea u li kien inawgurat fl-2017. L-għażla ta’ din il-lokalità u siti oħrajn hi parti mit-tattika tal-Ħamas biex jikkumplikaw l-isforzi tal-Iżraeljani biex jeliminaw il-launchers tal-missili mingħajr ma jinqatlu ċ-ċivili fl-inħawi.
Kelliema għall-qawwiet Iżraeljani qalu li l-Ħamas jaf li Iżrael qed jagħmel kull sforz biex jevita l-vittmi ċivili waqt din il-gwerra u għaldaqstant, it-terroristi qed jagħmluha dejjem aktar diffiċli biex l-Iżrealjani jolqtu l-infrastruttura tat-terroristi f’Gaza bi preċiżjoni.
//= $special ?>