Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Rapporti li vapur tar-Russi nqered taħt xita ta’ missili

Il-qawwiet Ukreni, fl-aħħar sigħat, taw daqqa ta’ ħarta kbira lill-moral tar-Russja wara li sparaw il-missili lejn tarzna fil-Krimea fost indikazzjonijiet li nqered wieħed mill-aktar bastimenti tal-gwerra moderni tal-Kremlin.

Il-vapur – missile ship – ingħata l-isem ‘Askold’ u waqt li l-kelliema għar-Russja qalu li l-Ukreni sparaw xita ta’ missili lejn it-tarzna, huma ma konfermawx l-isem tal-bastiment milqut.

It-tarzna fil-mira tal-cruise missiles tal-Ukreni tinsab f’Kerch, viċin il-pont ewlieni li kien bena l-President Russu Vladimir Putin biex jgħaqqad il-penisola tal-Krimea (okkupata mir-Russi) mar-Russja.

L-azzjoni seħħet waqt li l-qawwiet Russi kienu qed iwettqu l-provi ta’ missila ballistika minn sottomarin – u bil-kmandanti tal-qawwiet tal-ajru Ukreni jinsistu li huma wettqu suċċess militari ieħor matul il-gwerra mar-Russja li ilha minn Frar tal-2022.

Jidher li t-telfa ta’ dan il-vapur  għandha tkun it-tieni għar-Russja fuq skala hekk kbira wara li l-missili tal-Ukreni, f’April tal-2022, kienu qerdu l-bastiment ‘Moskva’ tal-flotta Navali Russa u li kien anki l-flagship tal-qawwiet tal-baħar tal-Kremlin.

Fl-aħħar xhur l-Ukreni anki wettqu numru ta’ attakki effettivi fuq il-bastimenti tal-gwerra tar-Russja, bl-azzjonijet jumiljaw lill-Kremlin u lill-President Putin.

Il-bastiment ‘Askold’, li kien ġranet biss ‘il bogħod milli jintuża mill-qawwiet navali kien armat bil-missili sofistikati tat-tip Kalibr u kien għadu fi stadju tal-prova. Dan meta r-Russi, bħalissa, qegħdin jibnu tlett bastimenti simili fit-tarzna ta’ Kerch.

Sadanittant, ir-Russja qed tipprova tqawwi l-moral tal-poplu bil-filmati tal-prova ta’ missila interkontinentali li kapaċi ġġorr warhead nukleari. Il-filmati ttieħdu mill-Baħar l-Abjad – u waqt li l-prova kienet qed titwettaq mis-sottomarin iġġenerat mill-enerġija nukleari.