Lokali

Il-politika ekonomika tal-Gvern tal-Labour ma tindirizzax il-kwalità tal-ħajja li tixraqlek

Il-PN huwa lest li jaħdem biex il-vulnerabbli, il-ħaddiema, is-settur tan-negozju, is-self-employed u anke l-middle class jimxu ’l quddiem ukoll u jkomplu jikbru, biex l-individwu jimraħ.

“Għas-sena d-dieħla id-dejn se jiżdied b’aktar minn biljun ewro ieħor għal iktar minn €11.2 biljun, u għas-snin ta’ wara d-dejn se jibqa’ jiżdied b’biljun ewro kull sena sabiex fl-2026 jaqbeż it-€13-il biljun.

Fejn jidħol id-defiċit tal-pajjiż, l-iżbilanċ tal-Gvern bħala persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross, is-sena li għaddiet pajjiżna għalaq is-sena b’defiċit ta’ 5.7%, ir-raba’ l-ogħla fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

“Sal-aħħar ta’ din is-sena t-tbassir hu li se jkollna defiċit ta’ 5% u għas-sena d-dieħla l-Gvern qed ibassar li d-defiċit ikun ta’ 4.5%. Ferm għola mit-threshold ta’ 3%, deficit-to-GDP ratio, hekk kif stipulat fit-trattat ta’ Maastricht u l-Istability and Growth Pact.

“Il-Gvern għandu jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni u jara li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli, partikolarment fid-dawl taż-żieda fir-rata tal-interessi. Qagħda finanzjarja stabbli hija prekursur għal aktar investiment.”

Dan qalu Jerome Caruana Cilia, id-Deputat Nazzjonalista u l-Kelliem għall-Finanzi, f’intervista estensiva ma’ Il-Mument li fiha enfasizza li dan hu Baġit mingħajr direzzjoni, Baġit bla soluzzjonijiet, Baġit bla viżjoni fit-tul.

Jerome Caruana Cilia fisser li bħal kull Baġit li ilu jsir għal dawn l-aħħar 36 sena, dan kien Baġit li kien fih miżuri li huma tajbin, uħud minnhom ilna nitkellmu dwarhom bħala Partit Nazzjonalista, oħrajn tkellmu dwarhom l-imsieħba soċjali, u oħrajn ilhom jitkellmu dwarhom l-NGOs u s-soċjetà ċivili fost oħrajn.

Dan hu Baġit li qed isir f’realtà ta’ rata ta’ inflazzjoni għolja, b’dik ta’ pajjiżna tkun ferm ogħla mill-medja taz-Zona Ewro. Għaldaqstant, aħna nirrikonoxxu l-aspetti soċjali pożittivi li fih għaliex it-tajjeb ngħidulu tajjeb.

Sfortunatament, dan il-Baġit naqas milli jindirizza l-akbar problemi tal-pajjiż: il-problema tat-traffiku, it-tniġġis, in-nuqqas ta’ spazji miftuħa, l-isfidi fil-qasam tas-saħħa, bil-pazjenti f’kurituri, in-nuqqas ta’ meritokrazija, in-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ ppjanar fil-qasam tal-kostruzzjoni u l-istudenti jitgħallmu f’kontejners.

Baġit bla ideat, bla direzzjoni. Gvern li għejja. Gvern qata’ qalbu li jagħmel dak li suppost jagħmel – li jiggverna. Baġit li nesa lill-middle class.

Jerome Caruana Cilia kompla billi ta ħarsa lejn l-islogan: Malta Ġusta. Tassew għandna bżonn Malta Ġusta. Però tassew surreali dan l-islogan li ġej minn dan il-Gvern.

Malta Ġusta – għal qraba tal-mibki iżda qatt minsi Jean Paul Sofia, li għaddewhom minn martirju meta kienu qed jitolbu ġustizzja għal binhom?

Malta Ġusta – Dawk li ilhom snin fil-waiting list, saħansitra uħud minnhom kellhom joħorġu l-flus mill-but u jmorru privat jew pazjenti oħra li neħħejtulhom id-dinjità, biex imbagħad il-Gvern Laburista rema’ €400 miljun, fl-ikbar serqa minn flus il-poplu, fil-kollużjoni ma’ Vitals/Steward?

Malta Ġusta – Għal dawk il-persuni b’diżabbiltà li ċħadtulhom ftit għajnuna oħra biex tajtuhom lil erbgħa tal-qalba biex tixtru l-voti? Malta Ġusta – Għal min juża t-toroq tagħna wara li xtrajtu l-vot ta’ tant nies li ħadu l-liċenzja avolja perikolużi?

Malta Ġusta – Mal-vittmi tal-vjolenza domestika li baqgħu bla protezzjoni minkejja rapport fuq rapport li rċieva l-Gvern?

Malta Ġusta – Mal-working poor, li jaħdmu kemm jaħdmu ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja?

Malta Ġusta – Ma’ dawk it-80,000 ruħ li skont l-EU SILC ma jaffordjawx spiża għall-għarrieda ta’ madwar €770, kważi kważi tmurlek appliance u ma jaffordjax jixtri oħra. Gvern li ċertament ma jimxix b’mod ġust, fisser Jerome Caruana Cilia.

Għaddiet iktar minn ġimgħa mis-sentenza li mhux biss ikkonfermat l-għoti tal-isptarijiet lil Vitals/Steward kien frawdolenti imma saħanstira li l-Gvern kien f’kollużjoni magħhom. Stennejna li jiġi żvelat kif il-Gvern se jġib lura l-miljun li ngħataw. Iżda bqajna b’xejn.

Dan f’kuntest li minn dak li ppreżenta l-Ministru għall-Finanzi stess, id-dejn tal-pajjiż matul din is-sena se jkun żdied b’madwar biljun ewro… jiġifieri elf miljun ewro, u sal-aħħar tas-sena id-dejn tal-Gvern se jmiss €l-10 biljun.

Kien hawnhekk li d-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal li għas-sena d-dieħla d-dejn se jiżdied b’aktar minn biljun ewro ieħor għal iktar minn €11.2 biljun’ u għas-snin ta’ wara d-dejn se jibqa’ jiżdied b’biljun ewro kull sena sabiex fl-2026 jaqbeż it-€13-il biljun.

Fejn jidħol id-defiċit tal-pajjiż, l-iżbilanċ tal-Gvern bħala persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross, is-sena li għaddiet pajjiżna għalaq is-sena b’defiċit ta’ 5.7%, ir-raba’ l-ogħla fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Hu fisser li sal-aħħar ta’ din is-sena t-tbassir hu li se jkollna defiċit ta’ 5% u għas-sena d-dieħla l-Gvern qed ibassar li defiċit ikun ta’ 4.5%. Ferm għola mit-threshold ta’ 3%, deficit-to-GDP ratio, hekk kif stipulat fit-trattat ta’ Maastricht u l-Istability and Growth Pact.

Il-Gvern għandu jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni u jara li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli, partikolarment fid-dawl taż-żieda fir-rata tal-interessi. Qagħda finanzjarja stabbli hija prekursur għal aktar investiment.

Dan hu ta’ tħassib anke għax, skont rapporti fil-mezzi tax-xandir, se jerġa’ jintlaħaq qbil biex mekkaniżmi relatati mas-sostenibbiltà fiskali fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropa jerġgħu jidħlu fis-seħħ fix-xhur li ġejjin.

Dan id-dejn kollu hu mażżra ma’ wliedna u wlied uliedna. Ħasra li l-flus tal-poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ u li l-kultura tal-“ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer” qed titħallas minn flus il-poplu. Hu anke għalhekk li, minbarra li hu etiku u moralment ġust, il-Prim Ministru Robert Abela u sħabu għandhom jaraw li dak li nsteraq minn pajjiżna jiġi lura.

Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia fisser kif stħarriġ wara ieħor juri li pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ċara. Skont stħarriġ tal-MaltaToday kważi 70% tal-popolazzjoni tgħid li l-Gvern miexi f’direzzjoni ħażina. Skont l-SME Barometer, li ġie żvelat il-Ġimgħa li għadda, 80% tas-sidien tan-negozji wkoll qed jgħidu li mexjin f’direzzjoni ħażina.

Għaldaqstant wieħed kien jistenna li l-Gvern Laburista se jindikalna l-viżjoni tiegħu fit-tul, b’mudell ekonomiku ġdid. Id-direzzjoni ta’ dan il-pajjiż. Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin qed jistennew lill-Gvern jgħid x’niċeċ ġodda fl-ekonomija se jkunu qed jinħolqu. X’investiment se jkun qed isir f’industry verticals eżistenti? X’tip ta’ impjiegi u karrieri tajbin għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema Maltin se jkunu qed jinħolqu? X’tip ta’ setturi li jħallsu pagi tajbin u mhux cheap labour se jkunu qed jinħolqu? Fuq kollox, x’viżjoni se jkun qed joħloq għaż-żgħażagħ tagħna biex jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar? Għaddew il-ġimgħat u x-xhur u ma smajna assolutament xejn.

Nhar it-Tnejn il-Ministru għall-Finanzi kellu opportunità li lill-poplu Malti u Għawdxi kollu jindikalu ’l fejn se nieħdu dan il-pajjiż, ’il fejn irridu mmorru. Wasal il-Baġit u erġajna ma rajna l-ebda direzzjoni, l-ebda viżjoni.

Jerome Caruana Cilia żied li l-politika ekonomika tal-Gvern tal-Labour ma tindirizzax il-kwalità tal-ħajja li tixraqlek. Agħar minn hekk, mhux talli Robert Abela m’għandux ideat għall-ekonomija ta’ għada, talli jidher li qata’ qalbu li jsolvi l-problemi li qed jgħaffġu fuq il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin ta’ kuljum. Gvern li għejja. Min ħoloq il-problema, ma jistax ikun is-soluzzjoni.

Mela quddiem dan kollu llum huwa aktar ċar minn qatt qabel. Pajjiżna jeħtieġ bidla. Huwa l-poplu li jrid bidla. Irid mudell ekonomiku ġdid.

Ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku tagħna mhux se tkun fuq ibbażata fuq żieda bla rażan fil-popolazzjoni mingħajr pjan jew fuq iċ-cheap labour, fuq il-ħela jew fuq il-frodi. It-tkabbir ekonomiku irid ikun wieħed sostenibbli bbażat fuq it-talent Malti, fuq investiment li jagħmel sens, fuq inizjattivi pożittivi, fuq setturi li jrendu tassew u fuq infrastruttura ta’ kwalità.

Dan il-Baġit nesa lis-self-employed u lis-sidien tan-negozji. Dan il-Baġit kważi ma jgħid xejn dwar is-settur tal-edukazzjoni. Dan il-Baġit naqqas l-investiment fit-turiżmu. Dan il-Baġit naqqas l-investiment fl-infrastuttura. Dan il-Baġit saħansitra nesa lill-middle class.

“Il-Partit Nazzjonalista huwa lest li jaħdem biex il-vulnerabbli, il-ħaddiema, is-settur tan-negozju, is-self-employed u anke l-middle class jimxu ’l quddiem ukoll u jkomplu jikbru, biex l-individwu jimraħ. Aħna nagħtuk l-għodda biex inti tikseb suċċess,” tenna id-Deputat Caruana Cilia.

Il-Partit Nazzjonalista lest li joffri nifs ġdid fl-ekonomija tagħna. Nifs ġdid favur livelli ta’ produttività ogħla. Nifs ġdid għall-ħaddiema tagħna billi noffru xogħol ta’ kwalità u mhux cheap labour, nifs ġdid favur il-middle class, nifs ġdid favur is-self-employed u s-sidien tan-negozji. “Viżjoni li tiffoka fuq il-kwalità, biex inti u l-għeżież tiegħek tgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar bi standards ta’ għixien aħjar,” temm il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia.