Fid-diskors tagħha waqt attivita’ politika f’San Ġwann, il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Norma Camilleri semmiet kif l-irwol tagħha bħala ħaddiema fis-settur tas-saħħa hu li tgħin u taqdi lil kull min hu fil-bżonn, u li fil-politika hi lesta tagħmel dan sabiex isservi lill-pajjiż u lil poplu.
Hi semmiet id-diversi nuqqasijiet li hemm fis-settur tas-saħħa fiżika u mentali… fosthom bdiet billi ssemmi kif il-klinika fejn isiru l-mental health checkups tat-tfal mhumiex fi stat xieraq għal dan. Semmiet ukoll li l-mediċina b’xejn li joffri l-Gvern mhix ta’ kwalita’ tajba, b’hekk ħafna nies qed ikollhom joħorġu l-flus min buthom għall-mediċina neċessarja.
Fakkret ukoll kif fl-isptar hemm waiting lists twal, u l-pazjenti b’kundizzjonijiet kroniċi u l-anzjani qed jintbatu d-dar għax m’hemmx biżżejjed sodod. Minkejja li sar refurbishment f’diversi ċentri tas-saħħa, l-ebda klinika ma ġiet irranġata b’mod li tkun tista sservi ta’ daycentre, b’hekk l-isptar xorta jkun kontinwament mimli.
Camilleri semmiet ukoll l-isptar tat-tgħalim ġdid li kellu jsir għall-istudenti tal-mediċina, iżda sena wara li suppost kellu jitlesta, dan għadu qas hu viċin milli jkun lest. Hi semmiet ukoll l-investiment li kellu jsir fl-isptar ta’ Għawdex li qatt ma sar.
Sostniet li dawn huma ftit eżempji ta’ kif il-Gvern seta nefaq l-€400 miljun minflok fuq id-deal skandluż tal-Vitals u Steward, kif ukoll li hemm bżonn nġibu dawn il-flus lura ħalli l-poplu jieħu l-kura li ħaqqu. Ma jistax ikun li l-pubbliku jibqa jiddependi fuq l-NGO’s minflok fuq il-Gvern għas-servizzi neċessarji. Saħansitra, anke l-iżjed Prim Ministru Malti implikat bil-korruzzjoni, Joseph Muscat, qabel mal-Partit Nazzjonalista dwar il-fatt li d-deal kellu jiġi investigat.
Camilleri sostniet lil l-Ministru tal-Finanzi ma jistax ikompli jattakka lill-Partit Nazzjonalista talli skont hu ma jagħmel xejn, għaliex il-Partit Nazzjonalista qed jara l-problemi u jsib soluzzjonijiet… filwaqt li l-Gvern għandu jieħu dawn il-pariri u jieħu r-responsabbilita’… xi ħaġa li fl-10 snin li ilhom fil-Gvern m’għamlux.
Norma Camilleri temmet id-diskors billi ħeġġet lill-pubbliku jwettaq dmiru u joħroġ jivvota fl-elezzjonijiet tal-2024.
//= $special ?>