Lokali

Illum inkomplu nixegħlu bozza ħamra fuq il-ħmieġ u l-abbużi fil-Kummissjoni Maltija tal-Films

Jekk il-poplu Malti u Għawdxi għajja u xeba’ jisma’ dwar kif il-Gvern ta’ Robert Abela seraqna xejn inqas minn €400 miljun meta ta tliet sptarijiet pubbliċi tal-poplu lill-barranin – l-akbar serqa fl-istorja ta’ pajjiżna – nazzarda ngħid li għajja u xeba’ wkoll jisma’ stejjer dwar abbużi sfrenati, direct orders, misapproprijazzjoni ta’ flus u tberbiq bl-addoċċ ieħor fejn il-protagonista hi t-Tmexxija tal-Kummissjoni Maltija tal-Films.

Saga li tissokta għaddejja ta’ kuljum għaliex min imexxi din il-Kummissjoni Maltija tal-Films jemmen li għandna poplu “Ġaħan” li tista’ tbellalu li trid imbagħad darba kull tant tibgħatlu ċekk u tnessih kollox. Din hi l-attitudni ta’ dan il-Gvern Laburista korrott li jinsulenta lill-Maltin u lill-Għawdxin billi jitrattahom – jew billi jaħseb li jista’ jitrattathom – ta’ “Ġaħan”.

Proprju dwar il-Kummissjoni fil-jiem li għaddew tkellimt ma’ Julie Zahar, id-Deputat Nazzjonalista li hi wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali.

Julie Zahra bdiet biex fissret li: “Nafu kemm iħobb jonfoq u jidher il-ħabib ta’ Joseph Muscat u Robert Abela, Johann Grech. Mela wara konferenza tal-aħbarijiet li għamlu dan l-aħħar, il-Ministru Clayton Bartolo u sieħbu Johann Grech, biex jgħidulna li l-Kummissjoni Maltija tal-Films sejra tajjeb, qalulna wkoll li sar studju dwar kemm qegħda tagħmel tajjeb l-industrija tal-films f’pajjiżna.

“Però mbagħad jgħidulek li meta joħroġ dan l-istudju għal pubbliku, mhux se jkollu imniżżla u nkluża miegħu ċertu informazzjoni… preċiżament dik l-informazzjoni l-iktar importanti. Dan kollu juri bl-aktar mod ċar li dawn in-nies lanqas biss jafu jistħu; m’għandhom deċenza ta’ xejn.”

Julie Zahra fissret li: “Mela l-ewwel dawn in-nies jgħidu li għamlu xi tip ta’ studju, u mbagħad – wara ħafna ftaħir u pompa – jirriżulta li ma jridux joħorġu fil-pubbliku l-aktar informazzjoni importanti! Imma dan jagħmel sens? U għaliex ċertu informazzjoni tinżamm mistura lin-nies? Xi jridu jaħbu dawn?”

Filwaqt li fissret li dan l-istudju s’issa għadu ma ħarigtx, Julie Zahra qalet li allura l-Oppożizzjoni ma tistax tanalizzah jew tiddiskuti dak li hemm fih.

Hi kompliet li: Issa sirna nafu li minn ċifri pubblikati mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-Għajnuna mill-Istat, dak li ngħidulu li State Aid, li jirriżulta li l-Kummissjoni Maltija tal-Films ħallset, jew obbligat ruħha li tħallas, l-ammont globali ta’ aktar minn €143 miljun minn fondi pubbliċi f’ħames snin favur diversi benefiċjarji privati fil-perjodu ta’ bejn is-17 ta’ Settembru tal-2018 u t-8 ta’ Awwissu tal-2023.

“Jirriżulta wkoll li minn dawn il-flus, kważi €137 miljun intefqu! Allura l-mistoqsija hi diretta: Issa l-Kummissjoni hija obbliga li tħallas lill-benefiċċjarji barranin biss?”

Hi kompliet li kien proprju għalhekk li hi, flimkien mal-kollegi tagħha fil-Kumitat tal-Parlament għall-Kontijiet Pubbliċi, talbu lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dawn il-€137 miljun.X’sar minnhom u fejn marru. L-Awditur Ġenerali ntalab ukoll biex jinvestiga fejn hi t-trasparenza u l-akkontabbiltà dwar dan kollu.

Mistoqsija dwar x’qiegħed jiġri dwar il-Mistoqsijiet Parlamentari li qegħdin isiru lill-Ministri tal-Gvern, Julie Zahra qalet li ħafna drabi d-diversi Mistoqsijiet Parlamentari li qegħdin isiru u li jikkonċernaw lill-Kummissjoni Maltija tal-Films, ftit li xejn tasal risposta fuqhom. Dejjem bl-iskuża li għadhom qegħdin jiġbru l-informazzjoni tal-infiq u t-tberbiq ta’ flus li qegħdin jisirqu minn ħalq il-poplu.

Julie Zahra qalet li dwar il-Kummissjoni il-poplu hu inkwetat bis-sħiħ u bir-raġun kollu għaliex fix-xhur u fl-aħħar snin sema’ diversi allegazzjonijiet dwar ħniżrijiet kbar li qatt ma ġew miċħuda la mill-Ministru responsabbli u anqas mill-istess Tmexxija tal-istess Kummissjoni.

Hu għalhekk li l-poplu, fost l-oħrajn, qiegħed jistaqsi kemm ġiet tiswa s-serata tal-Films Awards? Għaliex il-Gvern ta’ Robert Abela ma jridx jgħid b’mod dettaljat kemm ġiet tiswa din is-serata speċjali tal-Films Awards? X’inhu jħammar wiċċ il-Gvern ta’ Robert Abela milli jkun trasparenti u jagħti rendikont lill-poplu dwar kemm ġiet tiswa din is-serata?

Il-poplu qiegħed jistaqsi wkoll x’hemm miktub fuq il-kuntratt li għamlet il-Kummissjoni mal-kummidjant David Walliams fejn Johann Grech mar jiftaħ kawża biex il-kuntratt ta’ David Walliams ma jkunx jista joħroġ fil-pubbliku! Din xi trasparenza hi? Mela Johann Grech qiegħed jiġġestixxi xi flus minn butu u mhux minn flus il-poplu; flus mit-taxxi tal-poplu? Għaliex dan il-ħabi kollu li jkompli jqanqal aktar mistoqsijiet mill-aktar validi u importanti?

Barra minhekk il-poplu qiegħed jistaqsi wkoll kemm ġie jiswa l-Mediterrane Film festival. U għaliex għal dan il-Festival partikulari kien hemm ħafna persuni Amerikani mistiedna? X’għandu f’moħħu Johann Grech b’dawn il-kummiedji kollha li qiegħed jagħmel minn fuq dahar il-poplu? U mbagħad jintalab iwieġeb u minn fuq jibqa’ jżomm fommu magħluq?

L-istess diskors jgħodd ukoll għall-Golden Bee Awards fejn il-poplu, bid-dritt kollu, qiegħed ikompli jistaqsi kemm ġiet tiswa din l-attività.

Johann Grech – li għandu dellu tqil ħafna – u l-Ministru tiegħu Clayton Bartolo – li ma jiswiex akka – għandhom ikunu akkontabbli lejn il-poplu u jgħidu wkoll kemm ġie jiswa t-trip li ħadu għal matul il-Golden Bee Awards fejn anke ħadu lil ċerti mistednin b’jott lussuż f’Manoel island fejn kellhom anke jibnu pontun għalih.

Dwar dawn il-mistoqsijiet li qiegħed jagħmel il-poplu, saru wkoll diversi Mistoqsijiet Parlamentari, iżda sa issa dan il-Gvern korrott ta’ Robert Abela qiegħed jagħmel minn kollox biex iżomm kollox mistur u moħbi. Kieku dan il-Gvern m’għandu xejn x’jaħbi, allura kien ikun trasparenti u jagħti t-tweġibiet minnufih. Iżda għaliex kollox jindika tberbiq bl-addoċċ u tfigħ ta’ flus fil-bwiet ta’ ċerti nies, allura jagħżel it-triq tal-ħabi.

Julie Zahra kompliet li hi tistaqsi anki permezz ta’ din l-intervista lill-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo biex jippubblika breakdown taċ-ċifri dettaljati ta’ kemm ġie jiswa l-Mediterranean Film Festival… inkludi kemm kienet in-nefqa fuq it-titjiriet bl-ajru, l-akkomodozzjoni, is-servizzi ta’ trasport diversi tal-mistednin kollha li ġew għal dan l-avveniment, kemm intefqu flejjes f’billboards għaliex dan hu Gvern korrott li jiddelitta ħafna bir-reklamar fuq il-billboards, kemm intefqu flus f’riklamar ieħor.

Dwar dan l-avveniment il-Gvern korrott ta’ Robert Abela għandu wkoll jgħid lill-poplu min kienu l-persuni mistiedna għall-Mediterranean Film Festival. Min ħarġilhom l-istedina lil dawn il-mistednin… jekk il-Ministeru tat-Turiżmu, il-Kummissjoni Maltija tal-Films, forsi minn Kastilja… Għandu jgħid ukoll kemm intefqu flejjes f’ikliet u xorb! Kollox imħallas minn fuq dahar il-poplu biex issa jiġi l-Baġit għas-sena d-dieħla u l-Gvern ta’ Robert Abela jonqos milli jindirizza bis-serjetà l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja b’tant u tant Maltin qegħdin isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.

L-istess eżerċizzju l-Ministru Clayton Bartolo għandu jippubblika wkoll fid-dettall in-nefqa ta’ kemm ġie jiswa l-kummidjant David Walliams għas-serata ta-Golden Bee Awards.

Dan apparti mill-fatt li l-Gvern għandu jagħti rendikont dettaljat ukoll dwar in-nefqa totali ta’ party privat li kien organizzat fuq il-famuż jott lussuż waqt il-Malta Film Week… fejn għal dan il-party kienu mistiedna għadd ta’ persuni distinti flimkien ma’ oħrajn li jaħsbu li għandhom rashom kbira! Interessanti l-Ministru jgħid ukoll jekk hu attendiex għal dan il-party u jekk marx liebes b’xi track suit kif għamel ftit tax-xhur ilu meta daħħak lil Malta kollha!

Mistoqsija dwar il-film Gladiator 2, Julie Zahra qalet li anki hawnhekk hi titlob lill-Ministru Clayton Bartolo biex jagħti lill-poplu rendikont dettaljat dwar kemm se jintefqu flus diretti f’Malta biex jinġibed dan il-film.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu tajjeb li l-Ministeru tat-Turiżmu u l-Kummissjoni jagħtu lill-poplu wkoll rendikont tal-lista sħiħa ta’ ġurnalisti barranin li ġew mistiedna u r-rappurtaġġ li taw lil pajjiżna u jekk tali rappurtaġġ kienx imħallas ukoll u kemm?

Mistoqsija dwar il-fatt li l-Kummissjoni reġgħet stiednet lil David Williams għat-tnedija tal-Mediterranean Films Festival, Julie Zarha qalet kollox jindika li dan hu Gvern tant korrott li ma jiddejjaq xejn li jabbuża bl-addoċċ mill-fondi pubbliċi mingħajr ma jagħti

spjegazzjoni ta’ xejn; rendikont ta’ xejn dwar kif qiegħed jonfoq u jiġġestixxi l-flus tal-poplu.

“Nistaqsi wkoll lill-Ministru Clayton Bartolo għalfejn reġgħu marru għal David Walliams meta setgħu għażlu lil xi ħadd Malti aktar u aktar meta dan lanqas ma kien ġej minn xi pajjiż bħall-Italja, Spanja, Franza, il-Kroazja, Greċja, is-Slovenia, il-Portugal u Ċipru li pparteċipaw f’dan il-festival partikulari.

Hawnhekk staqsejt lil Julie Zahra dwar riżenji li kien hemm mill-Kummissjoni u qalet li iva dak ir-rapportaġġ hu kollu kemm hu minnu u dawn ir-riżenji ġejjin mill-fatt li s-sitwazzjoni fil-Kummissjoni kulma jmur qegħda ssir waħda aktar u aktar diffiċli u insapportabbli. Iżda lil hinn minn hekk jirriżulta wkoll li hemm raġunijiet oħrajn moħbija wara ċerti riżenji u tajjeb li min qiegħed imexxi din il-Kummissjoni jagħti spjegazzjoni dwar dak li qiegħed tassew jiġri fejn ċerti persuni issa dabbru rashom u qegħdin ifendu għal rashom.

Mistoqsija dwar is-sitwazzjoni f’Forti Ricasoli, Julie Zahra qalet li iva anki hawnhekk hawn problemi problemi serji u “issa smajna wkoll li f’Forti Ricasoli kollox jinsab wieqaf u ħadd ma jista jużah għax hemm is-set ta’ Gladiator 2 u dan kollu minħabba l-istrajkijiet li kien hemm dan l-aħħar.

Hi żiedet li barra minhekk “smajna wkoll li l-extras fuq is-set ġew scanned u ma jafux kif se jiġu użati. Din hi waħda mill-fatturi għalfejn bdew l-istrikes ġewwa Hollywood.

“Nafu wkoll li l-crew ta’ Hollywood jaqblilhom jiġu bin-nies tagħhom u tagħna jispiċċaw qishom il-pupazzi tagħhom. Bil-cash rebate li l-Kummissjoni qegħda pjuttost tħallsilhom il-pagi!”

Hi kompliet li “Riċentament sirt naf ukoll li l-Gvern qiegħed iżomm din il-kwistjoni kwieta, filwaqt li l-Ministru Clyde Caruana waqqaf il-fondi tal-Creative Malta Scheme li għalihom jistgħu japplikaw ħaddiema Maltin involuti f’din l-industrija. Fil-verità ftit tal-jiem ilu tkellimt man-nies fl-industrija u qaluli li kienu qalulhom li għandhom jieħdu dawn il-fondi li applikaw għalihom perà kulħadd għadu fil-limbu u ħadd ma jaf x’se jiġri.”

Naturalment, kompliet Julie Zahra, bosta fl-industrija qegħdin jistaqsu x’interess għandu Robert Abela li jibqa’ jżomm lil Johann Grech bħala l-Kummissarju Malti tal-Films meta dan Johann Grech hu mdawwar b’għadd ġmielu ta’ skandli. Bħal donnu li dan Robert Abela jogħxa jidħol b’rasu u b’ġismu kollu fl-inkwiet flok ma jkun kapaċi jieqaf lil min ikun qiegħed jabbuża.

Hi qalet li tajjeb li wieħed jelenka fatt importanti msemmi wkoll minn persuni involuti direttament fl-industrija tal-films f’pajjiżna, li dan Johann Grech ħassu li hu kien il-Ministru politikament responsabbli mill-industrija meta ftit tal-ġimgħat ilu tella’ filmat fuq il-midja soċjali u bil-panik li kellu vvinta spin li kull min jitkellem kontra l-cash rebate hu bħal xi attakk fuq Malta!

“L-attakk bdih hu stess bil-mod ta’ kif imexxi l-Kummissjoni qegħdin nispiċċaw inħallsu lid-diretturi, lill-produtturi barranin ta’ Hollywood meta seta’ jgħin ħafna aktar lill-industrija lokali. Imma Johann Grech kien wisq iffissat li jagħmel deals mal-kumpanija ta’ Ridley Scott biex jgħid li l-films Napolean u Gladiator 2, fost oħrajn, ġew Malta bil-ħila tiegħu! X’infantilità hux?!”

Julie Zahra temmet li l-Partit Nazzjonalista qatt ma ħareġ jitkellem kontra l-cash rebate. “Anzi aħna qed nipproponu li jkun hemm capping fuq kemm rebate jista jieħu kull film li jinħadem f’pajjiżna u kemm hu importanti li jkollna co-production fund li din kienet wegħda fil-manifest elettorali tal-Labour u qatt ma ġiet fis-seħħ.