Ambjent Lokali

Kanvassers ta’ Anton Refalo bil-barka biex jibnu f’zona ODZ

Sfeġju ambjentali sfaċċat fl-inħawi taż-Żewwieqa fil-Qala li jidher kemm mill-art u aktar u aktar mill-baħar

Minkejja li l-Gvern korrott ta’ Robert Abela spiss jitkellem dwar it-taparsi impenn tiegħu li ma jħallix aktar sfreġji ambjentali jseħħu fil-gżira ta’ Għawdex, il-fatti juru għalkollox mod ieħor hekk kif din il-gazzetta fil-jiem li għaddew irċeviet informazzjoni minn persuni involuti fil-kostruzzjoni dwar binja li qegħda tittella f’zona ODZ fl-inħawi magħrufa bħala Iż-Żewwieqa fil-Qala.

Sorsi infurmati li b’mod kunfidenzjali tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li dan l-iżvilupp ilu għaddej bħal bosta xhur li jinkludi strutturi mhux biss ’il fuq mill-art, imma anki fil-livelli ta’ taħt l-art.

“Din hi binja li tidher kemm mill-art u aktar u aktar mill-baħar int u dieħel il-Port tal-Imġarr. Ma tistax taqbiżlek… għajr jekk tkun impjegat mal-Awtorità tal-Ippjanar f’Għawdex u jgħidulek biex iddawwar wiċċek lil hinn milli tħares lejn dan l-isfreġju li qiegħed isir,” qalilna b’ton ironiku s-sors tagħna.

Hu żied li anki biex qiegħed isir dan l-iżvilupp, it-trakkijiet deħlin u ħerġin qegħdin ikomplu jagħmlu ħerba mill-inħawi. “Qegħdin nitkellmu dwar takkijiet kbar mimlija ġebel deħlin ’il ġewwa jew inkella mimlija materjal/terrapien ħerġin ’il barra… u Alla jbierek ħadd ma jieħu passi u ħadd ma jċaqlaq difru biex din il-ħerba titwaqqaf!”

Is-sors ta’ Il-Mument qal li mill-informazzjoni li rnexxielu jikseb hu – u Għawdex hu ċkejken u n-nies magħrufa – dawk involuti f’dan l-iżvilupp huma kanvassers tal-Ministru Anton Refalo li bla dubju ta’ xejn li hu konxju minn dan l-iżvilupp f’zona ODZ.

“Ara jiġix Anton Refalo u jgħid li ma jafx b’dan l-iżvilupp meta anki jekk tiċċaqlaq dubbiena ċkejkna jxommha u jkun jaf biha!”

Kollox jindika mill-informazzjoni li ngħatat lil Il-Mument, li min qiegħed jagħmel dan l-iżvilupp fil-fatt qiegħed jagħmel l-arja wkoll bil-konnessjonijiet tiegħu mal-Partit Laburista, b’mod partikulari mal-Ministru Anton Refalo.

Nifhmu li biswit fejn qegħda ssir din il-binja f’zona agrikola, dawk li jaħdmu r-raba’ huma urtati ħafna għal dak li qiegħed jiġri u aktar minn hekk għall-fatt li l-awtoritajiet – l-Uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar f’Għawdex – qegħdin jinjoraw rapporti li sarulhom biex jaġixxu fil-konfront ta’ dan l-abbuż u sfreġju ambjentali fejn biex isir, saru wkoll trejqat f’għelieqi tal-bdiewa li wħud minnhom huma maħduma u bil-prodotti fihom.

Interessanti l-fatt li volum minn din il-binja f’din iz-zona ODZ kien qiegħed isir kmieni filgħodu qabel is-sebħ jew mas-sebħ bl-iskop li x-xogħlijiet ma jagħtux wisq fil-għajn. Sadattant interessanti wkoll li b’rabta ma’ dan l-iżvilupp, fil-ġimgħat li għaddew spiss kienu l-okkażjonijiet fejn instemgħet ħierġa mużika b’volum għoli. Imma dwar dan għalissa se nieqfu nirrapportaw hawn.