“Se nkomplu naħdmu bi pjan b’saħħtu u bil-għaqal għall-interess tal-pajjiż kollu u huwa għalhekk li aħna se nibqgħu nkunu l-partit ta’ kuħadd.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħodu kien qed jindirizza attività politika li saret f’San Ġwann.
Fil-messaġġ tiegħu huwa qal li l-politika tal-PN ħierġa minn qalb il-poplu u huwa għalhekk li taħdem favur il-poplu. Kien hawn fejn reġa’ fakkar kif l-għoli tal-ħajja qed jolqot kważi lil kulħadd, lil-poplu Malti u Għawdxi kollu li kull filgħodu jrid iqum u jara minn fejn se jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum, lill-anzjani, lill-ħaddiema u lill-istudenti.
Il-Kap tal-PN qal li l-poplu jinteressah kif jista’ jgħix ħajja aħjar u huwa għalhekk li huwa kruċjali li jkollna settur tal-manifattura b’saħħtu.
Fakkar kif il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex ma jintaxxax il-COLA… iżda kif deher fil-Budget, il-Gvern baqa’ jwebbes rasu u se jibqa’ jintaxxa ż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Fejn wara d-diskors tal-Budget, bosta unions qalu lill-Gvern li daħaq bihom.
Bernard Grech sostna li minn stħarriġ li sar ħareġ b’mod ċar li minħabba l-għoli fil-prezzijiet tal proprejtà, iż-żgħażagħ ma jaffordjawx jixtru residenza għalihom. Fakkar kif il-PN kien fassal numru ta’ mużuri biex itaffu minn dan il-piż liż-żgħażagħ, iżda l-Gvert ta’ Robert Abela m’għamel xejn f’dan ir-rigward.
Fir-replika tiegħu għall-Budget li se ssir għada, il-Kap tal-PN qal li se jressaq il-proposti tiegħu sabiex f’pajjiżna jkun hemm ħajja aħjar għal kulħadd.
Bernard Grech tkellem ukoll dwar is-settur tas-saħħa fejn fost l-oħrajn semma kif għad hemm problemi kbar fil-mediċini li jinsabu out of stock, fejn il-pazjent issa qed jispiċċa jkollu joħroġ flus mill-but.
Huwa tkellem ukoll dwar kif kien bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista u tad-Deputat Nazzjonalsita Adrian Delia li t-tliet sptartijiet intraddu lura lill-poplu Malti, fejn kienet il-Qorti stess li qalet li kien hemm kollużjoni f’dan id-deal skandaluż. U quddiem dan kollu l-Kumissarju tal-Pulizija Angelo Gafa għadu sieket.
Fakkar kif meta ftit ftit bdew jinkixfu l-iskandli dwar it-tliet sptartijiet, il-Gvern Laburista ma ħalliex lill-istituzzjonijiet jaħdmu.
Bernard Grech qal li d-dmir tal-PN huwa li jibqa’ jagħmel pressjoni u huwa għalhekk li ftit tal-jiem ilu sar protest ġudizzjarju fil-Qorti. Huwa stqarr li quddiem dan kollu l-PN huwa kommess li jkompli jinvesti f’dan is-settur.
Il-Kap tal-PN żied jgħid li biex dan kollu jsir hemm bżonn li pajjiżna jkollu mudell konomiku b’saħħtu.