Lokali

ARA: Meta Angelo Gafa kien qal li “ma jħares lejn wiċċ ħadd”

Aktar minn tliet snin ilu… proprju f’Ġunju tal-2020, Angelo Gafa inħatar Kummissarju tal-Pulizija. U l-ewwel konferenza tal-aħbarijiet li kien indirizza… kien qal preċiżament dawn il-kelmiet.

“Il-korp tal-Pulizija mmexxi minni mhux se jkun influwenzat minn ebda isem, la qatt ma għamiltu fil-passat dan u żgur mhu se nħalli lil ħadd jagħmlu taħt it-tmexxija tiegħi.

Issa għaddew kważi tliet snin u nofs u pajjiżna għandu Kummissarju tal-Pulizija li għamel u għadu qed jagħmel proprju l-oppost ta’ dak li kien wiegħed li se jagħmel meta laħaq f’din il-kariga.

Għandna Kummissarju tal-Pulizija illi qed jiġi akkużat li spiċċa jdejh marbuta… Kummissarju li spiċċa kellu jagħlaq ħalqu… Kummissarju assenti quddiem każ wara l-ieħor ta’ korruzzjoni… każijiet ta’ korruzzjoni li fihom hemm involuti esponenti tal-Gvern Laburista.

Qatt ma ddejjaqt minn ħadd u qatt ma ddejjaqt minn ħadd mhux għax jien xi bully imma għax nemmen u dejjem emmint li jien qiegħed fil-korp biex inservi. M’għandi għax niddejjaq minn ħadd li hemm xi dell ikrah fuqu. Jekk daħal fil-problemi, jekk allegatament daħal fil-problemi, daħal għalihom hu. Mela l-Korp tal-Pulizija żgur li taħt it-tmexxija tiegħi m’hu se jħares lejn wiċċ ħadd.

Fost l-aħħar minn sensiela ta’ każijiet ta’ korrruzzjoni li għandu f’ħoġru Angelo Gafa hemm l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali, l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqa u l-iskandlu tad-deal li sar ma’ Vitals u Steward. Kollha każijiet li minnhom insteraq il-poplu Malti u Għawdxi.

Affaċċjat b’dawn l-iskandli kollha… pajjiżna għandu Kummissarju li mhu qed jieħu ebda azzjoni… Kummissarju li fil-każ tad-deal tat-tliet sptarijiet, qed jibqa’ jinħeba wara l-inkjesta maġisterjali u jibqa’ jkaxkar saqajh.