Lokali Qorti

Erba’ snin u nofs ħabs wara li pprova jifga mara fl-appartament tagħha

Raġel ta’ 42 sena mill-Fgura ġie kkundannat erba’ snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li pprova jifga mara waqt li kienet rieqda. Keith Gravina kien klijent tal-mara li kienet taħdem f’ħanut fejn hemm saru jafu lil xulxin u wara li mar għandha seħħ l-inċident.

L-Ispettur Clayton Camilleri li ressaq lil Gravina xlieh li fit-13 ta’ Settembru 2018, f’Birkirkara, kkaġuna ferita gravi fuq il-mara, kkaġunalha ħsara fil-mobile phone u kiser sentenza ta’ ħabs sospiża. Il-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ wara rapport ta’ inċident f’appartament f’Birkirkara mill-mara stess.

Meta marru fuq il-post il-pulizija sabu lill-vittma bid-demm ma’ wiċċha u nnutaw lill-akkużat jaħrab minn fuq il-post imma laħqu qabduh. Il-mara xehdet fil-Qorti li hija saret taf lill-akkużat peress li kien klijent tal-ħanut fejn kienet taħdem qabel ma fetħet kafetterija.

Dakinhar tal-inċident l-akkużat kien fil-kafetterija jixrob u magħhom kien hemm persuna oħra. X’ħin sar il-ħin biex tagħlaq il-kafetterija marru jkomplu jixorbu fl-appartament tagħha u f’ħin minnhom il-mara ħassitha għajjiena u marret torqod.

Qalet li waqt li kienet rieqda l-akkużat attakkaha, sawwatha bil-ponn, ipprova jneħħilha ħwejjiġha u anke pprova joqtolha b’extension tal-elettriku. Hi qalet li gidmitu u laqtitu b’diversi oġġetti f’rasu u bdiet tgħajjat għall-għajjut.

Sostniet li l-mara li kienet tgħix magħha fl-istess appartament ċemplet lill-Pulizija. Hi żiedet li kawża tal-ġrieħi spiċċat l-isptar u kellha tagħlaq il-kafetterija għal ġimgħa. Il-mara, li kienet tgħix fl-istess appartament xehdet li hija kienet fil-kamra tagħha meta semgħet ħafna għajjat u storbju.

Qalet ukoll li beżgħet toħroġ minn kamritha u ċemplet lill-Pulizija waqt li kkonfermat li dakinhar rat lill-akkużat fil-kċina tal-appartament. Wara li sema’ l-provi, il-Maġistrat Leonard Caruana qal li huwa jemmen il-verżjoni tal-vittma u tal-pulizija għax jikkumplimentaw lil xulxin.

Huwa sab lil Gravina ħati tal-attakk fuq il-mara u meta ġie biex jagħti l-piena qies li mir-rapport ta’ ‘social worker’ dwar l-akkużat irriżulta li huwa għamel tibdil għall-aħjar fejn anke rnexxielu jegħleb il-vizzju tad-droga u llum huwa persuna differenti.

Fl-istess waqt il-Maġistrat Caruana qal li huwa ma jistax jinjora l-fatt li dan kien attakk “improvokat u vjolenti” li sar fuq persuna li kienet rieqda u allura vulnerabbli. Il-Maġistrat qal ukoll li l-akkużat kien jaf li fuq rasu kellu mdendla piena ta’ sentenza ħabs sospiża u sostna li għalhekk se jieħu dak li ħaqqu, piena ta’ ħabs effettiva.

Għaldaqstant ikkundannah tliet snin ħabs talli kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-mara u ordna li 18-il xahar ħabs li kienu ġew sospiżi jidħlu fis-seħħ b’mod immedjat. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin biex jipproteġi lix-xhud li rrappurtat lill-akkużat lill-Pulizija.