Lokali

F’Malta bħalissa hawn 436,007 vettura fit-toroq

Fi tliet xhur il-vetturi żdiedu bi kważi 4,000

Fi tmiem Settembru, in-numru ta’ vetturi liċenzjati f’pajjiżna laħħaq l-436,007. Minn dan l-għadd, 73.9 fil-mija kienu karrozzi tal-passiġġieri, 14.2 fil-mija kienu vetturi kummerċjali jew agrikoli u 11.3 fil-mija kienu muturi/roti megħjunin bʼenerġija elettrika, scooters li jitħaddmu bl-elettriku, muturi b’erba’ roti, u ATVs. Ix-xarabanks u l-minibuses ammontaw għal anqas minn wieħed fil-mija.

Dan ifisser li fi tliet xhur, l-ammont ta’ vetturi lliċenzjati żdied bʼrata medja taʼ 43 vettura kuljum.

Fit-tielet kwart tas-sena 6,386 vettura ngħataw liċenzja ġdida. Il-maġġoranza tagħhom, 3,575 jew 56 fil-mija tat-total, kienu karrozzi tal-passiġġieri. Warajhom ġew il-muturi/roti megħjunin bʼenerġija elettrika bʼ1,173 jew 18.4 fil-mija. Il-vetturi ‘ġodda’ li ngħataw liċenzja ġdida laħqu t-3,842 jew 60.2 fil-mija tal-għadd sħiħ, mentri l-vetturi ‘użati’ li ngħataw liċenzja ġdida kienu jgħoddu 2,544 jew 39.8 fil-mija. Medja taʼ 69 vettura ngħataw liċenzja ġdida kuljum fit-tielet kwart tal-2023. 

Matul dan iż-żmien kien hemm 5,856 vettura li tneħħew mit-triq minħabba xi restrizzjoni, fosthom, 40.5 fil-mija kienu ggaraxxjati, 34.3 fil-mija li kienu mibjugħin mill-ġdid, filwaqt li 22.8 fil-mija kienu skrappjati. L-għadd taʼ vetturi li kellhom ir-restrizzjonijiet mtemmin fl-istess żmien kien ilaħħaq it-3,621. Il-biċċa l-kbira tagħhom kienu mibjugħin mill-ġdid (51.9 fil-mija) jew ggaraxxjati (47.3 fil-mija).

Fl-aħħar taʼ Settembru tal-2023, 253,739 jew 58.2 fil-mija tal-vetturi kollha kienu jitħaddmu bʼmagni petrol. Il-vetturi li jitħaddmu bʼmagni diżil kienu jammontaw għal 156,658 jew 35.9 fil-mija tat-total. Vetturi oħrajn li jitħaddmu bʼmagni tal-elettriku u bl-elettriku u fjuwil ieħor kienu jammontaw għal 3.7 fil-mija u kienu jgħoddu 15,960 vettura. Meta mqabblin mat-tliet xhur taʼ qabel, żidiet taʼ 20.6 fil-mija, 13.4 fil-mija, u 10.8 fil-mija kienu rreġistrati fl-għadd taʼ vetturi li jitħaddmu bid-diżil u l-elettriku, bl-elettriku, u bid-diżil u l-LPG, rispettivament.