Internazzjonali

Franza: Jiżdiedu l-attakki anti-semitiċi relatati mal-Gwerra fil-Lvant Nofsani

Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gérald Darmanin, qal li l-Gvern tiegħu hu mħasseb dwar l-ispinta kbira fl-attakki kontra l-Lhud u l-interessi tagħhom fi Franza.

Dan waqt li l-Gvern Franċiż ħabbar li madwar 500 spiċċaw arrestati għal reati anti-semitiċi u meta ‘il fuq minn 100 minnhom huma barranin.

L-abbużi u attakki anti-semitiċi ‘splodew’ fi Franza minn wara s-7 ta’ Ottubru meta Iżrael daħal fi gwerra mal-grupp Ħamas li qed jikkontrolla l-Medda ta’ Gaza

Il-Ministru Darmanin (ritratt) qal li l-awtoritjiet qed jippruvaw irażżnu l-attivitajiet ta’ ‘mibgħeda u intolleranza’ li ma jagħmlux parti mis-soċjetà Franċiża.

Dan meta l-Kap tal-Pulizija f’Pariġi, Laurent Nunez, qal li l-azzjonijiet anti-Semitiċi fil-kapitali Franċiża qabżu l-250 fiz-zona metropolitana ‘biss’ u li, sal-bieraħ, kienu saru ‘il fuq minn 100 arrest konnessi mal-istess azzjonijiet.Il-popolazzjoni tal-Lhud fi Franza – stmata aktar minn nofs-miljun  — hi l-akbar komunità tal-Lhud fl-Ewropa minbarra li t-tielet l-akbar popolazzjoni ta’ Lhud fid-dinja wara dawk f’Iżrael u l-Istati Uniti.