Illum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mistenni jwassal ir-replika tiegħu għall-Budget preżentat mill-Gvern din il-ġimgħa. Dan id-diskors huwa tradizjonalment marbut mat-tweġiba li jagħti l-Kap tal-Oppożizzjoni għall-miżuri imħabbra mill-Ministru tal-Finanzi fil-Budget u ssir f’seduta Parlamentari dedikata apposta.
Ir-replika ta’ din is-sena hija mistennija li twassal fost l-oħrajn il-viżjoni li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista għal ekonomija ta’ eċċellenza u kwalità ta’ ħajja aħjar – temi li ġew indirizzata f’diversi messaġġi li wassal Bernard Grech fl-aħħar ġimgħat u xhur. Viżjoni li għandha twassal biex il-ħaddiema, il-familji u l-pensjonanti jkunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar u futur mill-isbaħ.
Fl-aħħar ġimgħat il-Partit Nazzjonalista għamel numru ta’ laqgħat ma’ unions u msieħba soċjali sabiex flimkien ifassal l-aħjar proposti għal pajjiżna. Bil-Korpi Kostitwiti stess qed jibqgħu jappellaw sabiex il-pajjiż ibiddel id-direzzjoni li qabad.
Intant, għada Net TV se jkun qed iwassal servizz estensiv biex jispjega l-punti kollha preżentati mil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fir-replika tiegħu għal-Budget.
Ix-xandira tibda fis-5:30pm b’edizzjoni speċjali tal-programm NETLIVE fejn eżatt wara għall-ħabta tas-6:30 jixxandar id-diskors sħiħ ta’ Bernard Grech. Isegwi mbagħad bulettin dettaljat ta’ Net News li matulu tixxandar il-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata fost l-oħrajn mill-Kap tal-PN Bernard Grech. Dan apparti reazzjonijiet mill-imsieħba soċjali, u diskussjoni fl-istudios sa tard bil-lejl.
//= $special ?>