Lokali

Għat-tieni darba fi tliet ijiem Muscat jissokta bl-attakk fuq il-ġudikatura

Joseph Muscat, l-eks Prim Ministru li rreżenja mit-tmexxija tiegħu f’Kastilja lura fl-2019 fid-dawl tal-għagħa taċ-ċittadini, għat-tieni darba fi tliet ijiem kompla bl-attakk sistematiku fil-konfront tal-ġudikatura…partikolarment fuq il-Maġistrat Gabriella Vella.

Permezz ta’ post fuq Facebook, l-eks Mexxej tal-Labour, insista li hu m’għandu l-ebda fiduċja fil-professjonalità tal-Maġistrat Gabriella Vella.

Muscat issokta bl-assassinju tal-karattru tal-Maġistrat, l-istess Maġistrat Vella li qed taħdem fuq l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-frodi tal-isptarijiet.

Nhar il-Ġimgħa, Joseph Muscat kien mistieden għal intervista ma’ Manuel Cuschieri fuq l-istazzjon Smash fejn matulha attakka lill-Maġistrat Vella kif ukoll lit-tobba.

Kollox qiegħed jindika li preżentament l-eks Mexxej Laburista huwa persuna non-grata fuq is-Super One tant li baqa’ jinsisti li hu jmur kull fejn ikun mistieden.

Dan kollu fid-dawl li minn kliem Joseph Muscat tul din l-istess intervista, qiegħed iħejji għall-eventwalità li l-Inkjesta Maġisterjali ssib biżżejjed evidenza biex jittieħdu passi fil-konfront tiegħu.

Madanakollu Joseph Muscat qiegħed jinsisti li hu jorqod seren u li qatt m’għamel xejn ħażin – stqarrija li tħalli lil min jisimgħu perpless hekk kif id-domanda tiġi awtomatika;

La darba Muscat qed jinsisti li huwa qatt ma għamel xi ħaġa ħażina….għalfejn ħass il-ħtieġa li jwarrab u jirriżenja lura fl-2019?