Il-Kmandant tal-Armata tal-Ukrajna qal li s-sitwazzjoni fil-gwerra mar-Russja għaddejja minn perjodu ta’ staġnar u meta, fil-fatt, ftit seħħew żviluppi tassew sinifikanti fid-diversi fronti tal-konflitt li ilhom attivi mindu l-Armata Russa invadiet l-artijiet tal-Ukreni fi Frar tal-2022.
L-aħħar trijonf għall-Ukreni li jista’ jitqies bħala ‘fażi kruċjali tal-gwerra’ kien seħħ proprju sena ilu, meta l-Armata tal-Ukrajna ħatfet lura l-kontroll fil-belt ewlenija ta’ Kiev.
Iżda waqt li l-Ġeneral Valery Zaloujny, bħala l-Kap-kmandant tal-militar Ukren, qed jitkellem dwar ‘din is-sitwazzjoni staġnata’, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky u l-Kremlin ta’ Moska t-tnejn qed jinsistu dwar ‘il-vantaġġi’ għan-naħat rispettivi.
Dan ukoll meta t-tensjoni tar-Russja mal-Punent laħqet livell simili għall-Gwerra Bierda tas-seklu l-ieħor meta r-Russja kienet għadha parti mill-eks Unjoni Sovjetika komunista.
Ftit li xejn riżultati konkreti
L-osservaturi barranin huma disposti li jaqblu mal-Ġeneral Zaloujny fis-sens li l-kontro-offensiva mill-Ukreni — li ilha x-xhur — għadha ma kisbitx riżultati konkreti f’din il-gwerra.
Dan meta l-kontro-offensiva li bdiet fis-sajf ma wasslitx għall-irtirar totali tar-Russi mill-pożizzjonijiet tagħhom fin-nofsinar tal-Ukrajna.
Ir-Russi, issa, qed jippruvaw jaħtfu lura l-villaġġ strateġikament importanti ta’ Robotyne u li l-Ukreni kienu liberaw f’Awwissu – bil-Gvern tal-Ukrajna jinsisti li d-difensuri tiegħu qegħdin iżommu sod għall-attakki.
Sadanittant, it-truppi tal-Kremlin anki qed ikomplu jattakkaw l-inħawi ta’ Avdiivka, belt industrijali lejn il-Lvant tal-Ukrajna u li ilhom jippruvaw jiċċirkondaw għal ġimgħat. Fl-istess ħin – u għalkemm ir-Russi qed jippruvaw jieħdu l-inizjattiva – ma kien hemm l-ebda żvilupp partikulari li seta’ jindika xi suċċess militari imminenti.
//= $special ?>