Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlament li Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq mudell ekonomiku ibbażat fuq il-kwalità u mhux fuq il-kwantità
Meta kien qed jagħmel ir-replika għall-budget tal-gvern, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-viżjoni tal-PN li tissaħħaħ ir-reputazzjoni u l-integrità tal-pajjiż. Il-PN jemmen fit-tiġdid ekonomiku meħtieġ biex nittrasformaw il-pajjiż skont il-prioritajiet tan-nies u mhux ta xi wħud fejn in-nies tassew ikunu prijorità waqt li nissalvagwardjaw u nsaħħu d-demokrazija.
Għall-PN, id-demokrazija tfisser it-tmexxija favur il-poplu, mhux favur l-interessi tal-ftit fil-poter. Dan il-pajjiż issa ilu kważi 11-il sena taħt tmexxija ta’ Gvern Laburista. Responsabbiltà li ngħata mill-poplu. Ingħata r-responsabbiltà li jiggverna għat-titjib tal-pajjiż. Fi 11-il sena tista’ ttejjeb ħafna. Tajjeb sar bħal ma għandu dmir jagħmel kull gvern. Madankollu, mal-mogħdija taż-żmien dal-gvern wera trasformazzjoni inkwetanti; tluq mill-umiltà, nuqqas ta’ rispett għall-prinċipji ta’ governanza tajba, u nuqqas li nżommu l-valuri li huma tant għal qalb il-poplu Malti u Għawdxi.
Bernard Grech qal li l-ikbar bidla li għamel il-Labour f’Malta fl-aħħar 10 snin u 8 xhur hija ż-żieda enormi fil-popolazzjoni, fejn rema l-kwalità biex mar għall-kwantità u b’hekk rema l-kwalità tal-ħajja u l-kwalità tal-ekonomija tagħna għall-kwantità b’mira ta’ 800,000 ruħ li jgħixu f’Malta, jiġifieri li jirdoppja l-popolazzjoni ta’ Malta, kif jammetti l-Ministru tal-Finanzi, l-arkitett ta’ din il-politika. Politika ta’ rduppjar fil-popolazzjonili ma studja mkien, ma wiegħed imkien u ma daħħal imkien f’xi programm elettorali tiegħu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li f’dawn l-10 snin u 8 xhur, il-Gvern tal-Labour għattan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna; kasbar ir-reputazzjoni tagħna wkoll. Huwa minnu li aktar pajjiżi u popli saru jafu bina imma dan għar-raġunijiet il-ħżiena u mhux dawk tajbin. Dan il-gvern ħammeġ isem pajjiżna bil-kbir u dan ma jista jiċħdu ħadd. Il-ftit jisirqu u jixxaħħmu, waqt li bosta jkollhom jikkuntentaw b’xi ċekk qabel xi elezzjoni.
Il-Kap tal-PN qal li fost il-ministri Laburisti hemm min inqabad b’wirt storiku misruq fil-ġnien tiegħu, min jagħti l-liċenzji tal-karozza lil min ma jafx isuq, min jiddefendi u jipproteġi lil min tressaq fuq abbuż sesswali, min jorganizza skema ta ħlas b’qerq fil-benefiċċji lil minma ħaqqux biex jirbaħ il-voti, min falla fl-enerġija f’pajjiżna u qisu ma ġara xejn, min mingħajr ebda kuxjenza jivvota kontra inkjesta pubblika biex jostor il-verità u min jinqabad mill-qorti f’kollużjoni fi frodi ma’ interessi privati u l-qorti tgħidlu wkoll li ma fittex xejn l-interessi tal-pajjiż.
Għall-gvern dan hu business as usual għax f’għaxar snin dan il-pajjiż ġibtuh wieħed mhux normali. Qabel l-elezzjonijiet tal-2022, meta l-PN daħħal il-kunċett tal-ESG, kien hemm reazzjoni negattiva minn ħaddieħor. Il-gvern għażel li jqanqal il-biża’ u jissuġġerixxi li l-ESG se tgħabbi lin-negozji bi spejjeż bla bżonn. Madankollu, l-ironija hija qawwija; bilkemm xahar wara li rebaħ l-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista sab ruħu japprova l-ESG.
Bernard Grech qal li apparti l-qtugħ fid-dawl, b’ġimagħtejn blackouts u aktar, kien hemm u-turn dwar l-inkjesta pubblika ta’ Jean Paul Sofia. Il-gvern stess żeblaħ is-sewwa. Il-Prim Ministru wera tassew il-kuluri tiegħu, daħaq bil-familja ta’ Jean Paul Sofia, bid-deputati tiegħu stess u bil-poplu Malti u Għawdxi. Din Malta ġusta?
Hu kompla li rajna d-degradazzjoni tal-pajsaġġi Maltin, il-kontaminazzjoni tal-ibħra Maltin u t-tnaqqis tar-riżorsi naturali. Dan mhux progress; huwa tradiment tad-dmir li nipproteġu din il-gżira li nsejħulha darna.
Fondi pubbliċi, maħsuba biex jaqdu l-ġid komuni, ġew abbużati u allokati ħażin u ħallew liċ-ċittadini diżillużi u skoraġġuti. Il-benesseri soċjali, imfassal biex ikun xibka ta’ sikurezza għal dawk fil-bżonn, ġie definit mill-ġdid b’mod li ma jkunx sostenibbli u kuntrarju għall-prinċipji tal-ġustizzja u l-ġustizzja.
Il-pedament stess tal-governanza pubblika tnaqqar u tħalla vojt, Tneħħa l-pedament fejn għandhom ikunu r-responsabbiltà, t-trasparenza u l-etika. L-essenza nnifisha tal-governanza tajba ġiet traskurata u poġġiet id-demokrazija f’riskju.
Hawn, il-PN joffri alternattiva; viżjoni ta’ eċċelenza. Malta u Għawdex ħienja, fejn kull sfida qed narawha bħala opportunità li ntejbu, li nirranġaw. Viżjoni ta’ eċċelenza, b’entużjażmu, u li tkun ħerqana biex taġġusta, tigwida, tmexxi l-qlugħ tan-nazzjon, ta’ Malta .
Il-viżjoni ekonomika tal-PN mhijiex sempliċi wegħda; hija viżjoni, miġja, lejn il-prosperità li tirrestawra d-dinjità u l-kwalità tal-ħajja li jixirqilna lkoll bħala poplu. Il-viżjoni tal-PN hija wegħda ta’ serħan tal-moħħ, stabbiltà ekonomika u sens imġedded ta’ skop. Hija affermazzjoni li l-PN lesti jiggverna b’mod responsabbli; ESG ifisser li nkunu sodi fl-impenn tagħna biex nissalvagwardjaw l-ambjent nadif u estetiku tagħna, insaħħu l-benesseri soċjali u nżommu l-ogħla standards ta’ governanza.
Dawn huma kollha elementi li jnebbħu l-politika tal-PN li flimkien mal-investiment b’saħħtu infrastrutturali, fis-servizzi u fil-persuni u t-trażżin tal-popolazzjoni u tal-għoli tal-ħajja jwelldu kwalita tal-ħajja aħjar f’pajjiżna. Poplu b’saħħtu huwa poplu li jibqa’ jaspira li jimxi ‘l quddiem b’kisbiet ogħla.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li għalhekk prijorità hija t-tisħiħ tas-settur tas-saħħa u kien għalhekk li mhux biss tħejja pjan għat-tisħiġ ikbar fis-saħħa fiżika tal-poplu iżda wkoll kien varat il-pjan tagħna għal titjib fis-saħħa mentali.
Il-PN għandu pjan għat-tisħiħ fl-ambjent tagħna li huwa xprunat fuq il-prinċipju li l-ambjent ikun dritt fundamentali; pjan għat-risħiħ fl-edukazzjoni ta’ poplu li mhux biss ikun aktar għaref imma wkoll aktar għaqli u li jaħseb aktar, pjan għat-tisħiħ fil-ġustizzja, it-tisħiħ fis-sigurtà, pjan għall-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tad-dawl, pjan għall-immaniġjar tal-iskart, il-Kunsilli Lokali b’dokument progressiv u ambizzjuż.
Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-PN se jaqsam naqsmu mal-poplu il-pjan komprensiv tagħna għall-futur ta’ Malta. Se nippreżentaw viżjoni li tiżboq il-firdiet politiċi u tgħaqqadna bl-iskop li nibnu Malta aktar b’saħħitha, tassew aktar ġusta u aktar sostenibbli, sostna Bernard Grech.
Hu kompla li llum il-Partit Nazzjonalista qiegħed jaqdi l-funzjoni u d-dmir tiegħu ta’ oppożizzjoni; iżda aħna wkoll il-vuċi tat-tama, u l-periti tal-bidla, għal futur aħjar. Flimkien, nistgħu nirrialibitaw il-valuri tal-ambjent, niżguraw benesseri soċjali għal kulħadd, u niksbu lura l-essenza tal-governanza tajba.
Dwar id-dejn hu qal li l-predeċessur ta’ Robert Abela ma tantx għamel wisq aħjar għax ħalliena b’€5.7 biljun dejn, sal-aħħar tal-2019. Kemm ilu Prim Ministru Robert Abela, dan id-dejn żdied u jinsab fit-triq biex jilħaq l-€10 biljun.
Sal-aħħar ta’ din il-legiżlatura l-Ministru Clyde Caruana qed jipproġetta hu stess se jkunu għamlu dejn daqskemm għamlu l-Ministri tal-Finanzi kollha mil-Indipendenza sal-lum. Clyde Caruana ħa jkun għamel aktar dejn mill-ministri kollha tal-finanzi ta’ qablu kollha f’daqqa; Nazzjonlisti u Laburisti.
Din hi d-daqs tal-mażżra li għabbiena biha l-Gvern ta’ Robert Abela Biex il-Gvern ikompli jissellef aktar u aktar, qed iħallas, mit-taxxa tagħna lkoll, €4 biljuni fil-ġimgħa fuq imgħaxijiet.
Dan il-livell ta’ dejn huwa tassew perikoluż għaliex iqarreb viċin ħafna tal-linja l-ħamra stabbilita mill-Unjoni Ewropea tal-limitu li għandu jiddejjen pajjiż.
Id-dejn reġa’ tiela’ lejn 60% tal-Prodott Gross Domestiku, u d-defiċit jaqbeż it-3%. Din il-linja l-ħamra l-UE ma tpoġġihix b’kapriċċ, iżda għax hija linja li ġaladarba tinqabeż, l-affarijiet xejn ma jkunu sbieħ.
Bernard Grech sostna li dan id-dejn hu perikoluż għaliex l-akbar parti taż-żidiet ma ġietx f’investiment kapitali. Dan mhux biex bnew aktar skejjel ġodda, saħħu l-infrastruttura fil-qasam tas-saħħa jew oħrajn. Le, tefgħu l-pajjiżna f’dejn record għaliex iffangaw.
Hu għalhekk li l-PN se jsaħħaħ il-ġlieda kontra t-tberbiq, il-ħela u l-korruzzjoni li hija l-akbar taxxa fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Għalhekk għamilna l-ġlieda biex nieħdu l-isptarijiet lura. Għalhekk tkellimna fuq kuntratt skandaluż wara l-ieħor li ngħata bil-barka ta’ Robert Abela jew tal-predeċessur tiegħu, sostna Bernard Grech.
L-għoli tal-ħajja qed tifni lil bosta. Eluf qed jgħixu tbatijiet kbar, fejn lanqas qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. Lanqas qed jirnexxielhom ilaħħqu u qed jgħixu fin-nuqqasijiet tal-aktar prodotti bażiċi. Lill-anzjani wegħduhom li se jkunu jistgħu jlaħħqu mal-ħajja,wegħduhom li se jġibulhom il-mediċini d-dar u li mhux se jkun hemm listi ta’ stennija fl-isptar għall-operazzjonijiet u interventi mediċi.
L-anzjani tkissru; il-pensjoni llum saret mhix biżżejjed. Mhux talli ma wassaltulhomx il-mediċini d-dar talli anqas twassluhom l-isptar għax kemm-il darba l-pazjenti jintalbu biex huma jew qrabathom imorru jixtru l-mediċina jew mezzi oħra ta’ kura biex ikunu jistgħu jużawhom fuqhom fl-isptar.
Taħt Gvern Nazzjonalista, fil-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja, iż-żieda għall-għoli tal-ħajja lill-anzjani bdiet tingħata kollha, sħiħa. Miżura oħra li daħħal il-Gvern ta’ Lawrence Gozi kienet li dawk ‘il fuq minn 75 sena u jgħixu f’darhom, jingħataw €350 fis-sena.
Bernard Grech qal li ċifri maħruġa mill-NSO jikkonfermaw li l-inflazzjoni ta’ pajjiżna hija ogħla mir-rata medja tal-pajjiżi taz-Zona Ewro; statistika li titfa’ dawl fuq il-piż kbir li qed ikomplu jġorru l-familji Maltin u Għawdxin.
Din hi t-traġedja tal-għoli tal-ħajja f’Malta: kulħadd inkluż fil-Labour jaf li f’Malta ħafna prezzijiet huma sostanzjalment ogħla minn barra, imma l-Gvern tal-Labour ħsiebu biex jara kif se jimla bwietu flok kif iħaddem l-istituzzjonijiet li diġà għandna biex ikun hawn il-kompetizzjoni vera li hi l-vera garanzija li l-prezzijiet ikunu ġusti.
Il-Kap tal-PN qal li la l-gvern qata’ qalbu qtajtu; aħna minflok abbandunajna l-poplu, tajnih widen; minflok attakkajna lin-negozji tal-familja, poġġejna magħhom biex nifhmuhom; minflok dawwarna wiċċna meta l-ħaddiem ħabbat il-bieb rajna kif nistgħu ngħinuh; minflok iġġildna jew dħaqna bl-imsieħba soċjali, wiżinna dak li qed jipproponu.
Għalhekk minflok għotorna taħt l-isfida ħriġna bis-soluzzjonijiet; li ż-żieda tal-COLA m’għandix tkun taxxabbli, li l-Gvern għandu jagħti tax credits lil min iħaddem, biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA; li jkun maħluq Fond Nazzjonali biex nappoġġaw lill-industrija li timporta jew tesporta, u dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu mpatt tal-għoli tal-ħajja u li naraw li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.
Bernard Grech sostna li l-Labour, f’dawn it-tliet leġislaturi, ħammeġ, kerrah u biegħ lil Malta u b’hekk naqqas il-kwalità tal-ħajja tan-nies f’pajjiżna. Ġab eluf jgħixu fil-faqar, u jew fi stadju viċin il-faqar.
Is-slogan tal-budget hu ‘Malta Ġusta’ iżda l-gvern fil-verità kompla jitfa’ aktar piżijiet fuq in-nies. Dan kien konfermat meta s-sena li għaddiet intqal li 86,500 persuna vulnerabbli se tkun qed tirċievi benefiċċju minn ċekkijiet ta’ għajnuna għall-għoli tal-ħajja waqt li din is-sena qalu li 95,000 familja se jkunu qed jieħdu dan il-benefiċċju għax huma vulnerabbli.
Il-mudell ekonomiku tagħkom falla iużda intom sirtu sinjuri minn fuq dahar il-vulnerabbli, sostna Bernard Grech.
Hu fakkar meta Edward Scicluna li kien Ministru tal-Finanzi, kien qasam il-grupp ta’ taxxa ta’ 25% fi tnejn u bejn grupp ta’ taxxa ta’ 25% u l-grupp ta’ taxxa l-oħra ta’ 25%, ħeba taxxa u kull sena, jekk tkun fuq ir-rati singoli li qed tħallas €90 żejda fit-taxxa, jekk inti fuq ir-rati tal-ġenituri qed tħallas €105 żejda fit-taxxa u jekk inti fuq ir-rati tal-ġenituri, qed tħallas €120 żejda fit-taxxa. Għax hekk jagħmel dan il-gvern; jaħbi u jġiegħlek temmen li qed jagħtik xi ħaġa imma fl-istess ħin qed jieħu xi ħaġa akbar mingħandek. Dan hu Gvern tal-gimmicks, sostna Bernrad Grech.
Hu qal li l-faqar iżda jiġi rifless fil-karatteristiċi l-oħra tal-kwalità tal-ħajja, fosthom is-saħħa, il-qagħda fiżika u mentali, il-kisbietedukattivi, l-ikel li nieklu u l-impjegabbiltà fis-suq tax-xogħol tagħna.
Dwar il-qagħda ekonomika hu qal li l-Ministru Caruana qed iqabbel lil Malta mal-Ġermanja iżda kieku sar magħruf li esponenti għoljin tal-Gvern tal-Ġermanja kienu qed jaħdmu kontra l-interessi ta’ pajjiżhom dawn jirreżenjaw jew saħansitra jaqa’ l-gvern u l-pulizija investigat u ressqet in-nies mill-ewwel u mhux tagħmel tmien snin tissara biex ma jsir xejn.
Fil-Ġermanja, meta l-qorti ssib lill-Gvern ħati ta kompliċità ma’ interessi privati u ssib lill-gvern ħati f’serq ta’ €400 miljun dawk kollha responsabbli jkunu ilhom li tneħħew mill-poter minn sħabhom stess. Imma le… l-gvern Laburista jrid jibqa’ jiffanga.
Hu qal li żgur li hu magħruf hu li l-Labour daħħal lil Malta fi kriżijiet kbar; popolazzjoni tikber bla pjan bil-Labour iġib 38,000 barrani minn barra l-Unjoni Ewropea s-sena l-oħra biss u jittrattahom ta’ skjavi, politika taċ-cheap labour, b’nies qrib il-Prim Ministru stess jixħtu 40 barrani f’appartament wieħed.
Din hi żieda kbira ta’ popolazzjoni bla ebda pjan għall-oqsma kollha f’pajjiżna, kriżi ambjentali, kriżi ta’ djun. Dal-Gvern irdoppja d-dejn li għamlu l-gvernijiet kollha ta’ qabel, €1,000 miljun kull sena.
Il-Kap tal-PN qal li l-viżjoni tal-PN iżda hija differenti minn dak li rajna f’dan is-sajf meta f’din l-istess kamra, rajna l-bikja ta’ familja, għexniha wara li intom vvutajtu kontra l-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Dan is-sajf kellna wkoll il-blackouts tad-dawl ma’ Malta kollha għal sigħat u jiem sħaħ.
Kien hawn telqa kontinwa mal-pajjiż kollu u wara tiġu tgħidulna biex niffriżaw l-iskart, kien hawn nuqqas ta’ sigurtà fil-lokaliatjiet, seħħ l-iskandlu tax-xiri tal-voti, seħħ l-iskandlu tal-frodi fil-benefiċċji soċjali, seħħ l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan. Dan il-gvern tant daħal f’turbolanza,minħabba n-nuqqas ta’ direzzjoni tajba, li falla hu, u falla lill-Air Malta. Dan hu Gvern li tnissel, twieled u trawwem fit-tixħim, fis-serq u fil-frodi.
Fl-iskandlu tal-benefiċċji orkestrat minn Kastilja sraqtu lin-nies vulnerabbli f’pajjiżna, lil dawk li verament ibatu minn diżabilità severa. Iffrodajtu u sraqtu lil dawk li għandhom xi dgħujifija li l-Istat tagħna jagħraf li għandhom bżonn għajnuna, għandhom dritt għal għajnuna, imma intom għax taslu għal kollox tfajtu dell ikrah fuq min hu ġenwin. Iffrodajtu u iffalsifikajtu dak kollu li jagħmlu t-tobba bravi tagħna u l-ġaddiema kollha tas-saħħa li bis-saħħa tagħhom għadha taħdem is-sistema tas-saħħa tagħna imma intom ittradejtuhom ukoll.
Bernard Grech qal li l-gvren iffroda lill-ħaddiema Maltin, lill-professjonisti, lin-negozji tal-familja, lil kull min jinvesti, f’dan il-pajjiż, lil kull min iħallas l-bolol u t-taxxa.
Dan hu gvern gidba, li jwiegħed metro u ma jagħmlux, waqt li għandu pjan li jirdoppja l-popolazzjoni għal 800,000 li ma wegħdu fl-ebda wieħed minn tliet programmi elettorali u ma semmieh imkien f’għaxar budgets.
Dan hu gvern bla qalb li jrid jirdoppja l-popolazzjoni għal 800,000 minn barra l-Unjoni Ewropea. Is-sena l-oħra, dan il-gvern ġab 38,000 persuna minn barra l-Unjoni Ewropea. Ħeba din l-istatistika f’Malta imma kixfu l-Eurostat.
Terz ta’ dawk li suppost inġiebu f’Malta biex jgħinu l-ekonomija lanqas iħallsu t-taxxa. Dan huwa Gvern li qed jisfrutta lil dawn l-eluf kbar biex iżomm baxxi l-pagi ta’ kulħadd, Maltin u barranin. Dan huwa Gvern bla qalb li jittratta lill-barranin bħala skjavi moderni tant li ċ-ċifri juru li ħafna minn dawn il-barranin jitilqu wara sena sentejn.
Dan il-Gvern sar Gvern tal-kriżijiet. Il-kriżijiet tiegħu, għax ma hemmx stabbiltà fit-tmexxija, qed ibatuh il-poplu. Dan il-Gvern ġab pajjiż fejn 80% taż-żgħażagħ iridu jitilqu minn Malta. Dan il-Gvern ġab pajjiż fejn il-familji tagħna mhux jaffordjaw ikollhom iktar minn tarbija waħda. Fejn lanqas qed iwasslu mhux biss sal-aħħar tax-xahar, iżda biex ikunu jistgħu jieħdu self biex jixtru appartament, mhux dar.
Il-viżjoni tal-PN iżda hija waħda ta’ kuraġġ u tama; hija wegħda ta’ integrità, li nibnu mill-ġdid il-fiduċja li tnaqqret fl-istituzzjonijiet tal-gvern. It-trasparenza u r-responsabbiltà se jkunu l-karatteristiċi tal-PN..
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li t-tiġdid ekonomiku huwa t-tieni impenn tagħna. Se nsostnu vjaġġ ekonomiku ta’ trasformazzjoni, viżjoni ekonomika li tagħti valur lill-impjiegi ta’ kwalità għolja fuq il-kwantità. Malta mhux se tiddependi aktar eċċessivament fuq ix-xogħol minn barranin barra l-Unjoni Ewropea, hekk kif se ninvestu fin-nies u l-industriji tagħna. Se nsostnu l-ħsieb u t-talent lokali. Se nsostnu l-innovazjoni.
Prijorità oħra għall-PN hija l-investiment fin-nies, fil-poplu Malti u Għawdxi, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa se jirċievu attenzjoni massima, bla preċedent. Dawn huma l-pedamenti ta’ soċjetà li taspira li tkun aħjar, li jkollha ħajja aħjar f’pajjiżna.
L-enerġija nadifa se tkun fuq quddiem nett tal-aġenda ambjentali tagħna u niżguraw dan bħal ma’ diġà għamel il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima li l-ħarsien tal-ambjent tagħna jkun żgurat.
Aħna determinati li nissalvagwardjaw id-demokrazija. Id-demokrazija tagħna hija teżor prezzjuż, għandna nipproteġuha, ma nibżgħux nagħmlu dan. Gvern Nazzjonalista, il-viżjoni tagħna, tagħti prijorità lill-istabbiltà finanzjarja, u toffri u tagħti ċertezza.Ir-reżiljenza ekonomika ta’ Malta hija soda. Il-valuri demokratiċi se jiġu sostnuti, u kull vuċi, ta’ kull ċittadin se tkun mismugħa u rispettata, sostna Bernard Grech.
Din hi l-viżjoni għal Malta tagħna. Għal dan in-nazzjon. Il-ħajja aħjar f’pajjiżna li qed noffru aħna bħala Partit Nazzjonalista, din il-viżjoni tiegħi, tagħna hija l-kuraġġ, it-tama, il-fedeltà, il-wegħda li aħna qed nagħmlu mal-poplu Malti li noffru ħajja aħjar f’pajjiżna.
Il-PN għandu l-viżjoni li l-Gvern, jekk verament irid li jkun ta’ eżempju, għandu jitmexxa fuq il-pilastri tal-ESG fejn l-ambjent naturali u mibni ta’ pajjiżna, kif ukoll l-identità kulturali u storika ta’ pajjiżna, jieħdu prijorità, fejn inħarsu lejn is-soċjetà tagħna bir-reqqa u b’lenti ħanina u b’ġustizzja vera u fejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni jpoġġuna ma’ ta’ quddiem nett fl-Ewropa u fid-dinja.
Dan filwaqt li nuru fiduċja vera fiż-żgħażagħ tagħna biex ikunu huma stess li joħolqu postijiet tax-xogħol permezz ta’ start ups fejn tispikka l-krejattività biex huma stess jemmnu l-potenzjal tagħhom u aħna noħolqu l-enabling environment u fejn il-governanza ta’ pajjiżna terġa tagħtina lura r-reputazzjoni li isem pajjiżna tilef tul dawn l-aħħar snin u nibdew nitkellmu veramnet fuq BRand Malta għax tkun sinonima mal-eċċellenza.
Bernard Grech qal li l-istħarriġ tal-EY li ġie ppubblikat ftit tal-jiem ilu, juri n-negliġenza min-naħa tal-gvern, in-nuqqas ta’ azzjoni u n-nuqqas ta’ għajnuna mill-Gvern. 80% tan-negozji jaħsbu li sejrin fid-direzzjoni l-ħażina. Dan qed jgħidu stħarriġ tal-Kamra tal-SME’s. Lill-koperattivi l-gvern nesiehom. Jirriżulta wkoll li n-negozji qalu li l-livell ta’ korruzzjoni, iż-żieda fil-popolazzjoni u l-kwalità tal-ħajja, huma fil-quċċata tal-lista twila ta’ problemi li suppost għand jaħdem fuqhom dan il-Gvern.
Dwar it-traffiku dan il-Gvern ma qalil xejn. Fis-sajf qalilna biex noħorġu wara r-rush hour; surreali. U f’liema rush hour jekk Malta saret gaġġa ta’ karozzi mwaħħlin fit-traffiku toħroġ fi xħin toħroġ mid-dar. It-traffiku qed jissarraf f’aktar problemi fosthom, ħela ta ħin prezzjuż , ħela ta’ flus u effiċjenza, żieda fl-istress u problemi oħra ta’ saħħa mentali.
It-tniġġiż li joħloq it-traffiku jfisser aktar problemi tal-ażma, it-traffiku hu wkoll spiża għas-self-employed, għas-sidien ta’ negozji żgħar u għall-industrija. Id-dewmien fit-toroq hu telf ta’ flus. It-traffiku jfisser aktar konsum ta’ fuel u għalhekk il-ħela ta’ ħin u l-istennija fit-traffiku għalik ifissru li trid tonfoq aktar f’petrol jew diesel. It-traffiku jfisser ukoll li qed joħorġu flus minn pajjiżna fuq spiża li qed issir għalxejn u li l-pajjiż mhu jieħu xejn minnha. Dan minbarra li inti qed tħallas it-taxxa fuq kull litru petrol li tuża biex il-Gvern jgħaddihom lil ħaddieħor u mhux lilek.
Bernard Grech qal li pajjiżna jeħtieġ tmexxija bi pjan; fil-qalba ta’ dan il-pjan, ta’ din il-viżjoni hemm il-ġid ut-titjib tal-ambjent, u l-konservazzjoni u l-preservazzjonital-ispazji naturali u miftuħin fl-ibliet u l-irħula tagħna. Hemm il-ħajja aħjar f’pajjiżna.
Dan il-pjan, din il-viżjoni, tista’ titwettaq fost l-oħrajn billi jsir u nagħtu aktar għodda lill-Kunsilli Lokali biex jaħdmu f’kull lokalità. Dan il-Gvern imma mhux jagħti dan. Mhux jifhem l-importanza tal-Kunsilli Lokali, anzi neżżahom mill-poteri.
Il-PN għandu fiduċja fil-kunsilliera u Sindki ta’ Malta u Għawdex li qalbhom tħabbat mal-ħtiġijiet lokali tal-irħula u l-bliet sbieħ u mal-komunitajiet. Għalhekk għandna nerġgħu ngħaddulhom b’aktar poteri, aktar risorżi u aktar fondi biex il-kunsill lokali jerġa’ jkun l-inkwina tal-ideat u tat-twettiq ta’ proġetti ta’ fejda f’kull lokalità.
Jeħtieġ li nkomplu ntejbu l-infrastruttura tal-ilma f’Malta u Għawdex bi sforzi akbar kontra l-ħela tal-ilma, għal titjibfil-kwalità tal-ilma fid-djar u għall-preservazzjoni u għas-sigurtà tal-ilma għal pajjiżna. Fi żmien fejn kull ma jmur il-klima qed tisħon u qed tagħmel anqas xita huwa ta għajb kif il-gvern ma huwa qed jagħmel xejn f’din id-direzzjoni. Anki hawn neħtieġu maturità u pjan u dan għandna l-obbligu nagħmluh bi dmir lejn il-ġenerazzjoni tal-lum imma anke ta’ għada.
Neħtieġu infrastruttura ġdida għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli mix-xemx, mir-riħ u/jew mill-mewġ li jħallu l-inqas impatt fuq l-ambjent u fuq l-estetika ta’ pajjiżna.
Dan il-budget huwa wieħed irrelevanti għall-edukazzjoni u bla viżjoni għas-settur tal-edukazzjoni. Dan qaluh il-unions u l-Oppożizzjoni ssostnih. Il-Gvern naqas milli jserraħ ras l-edukaturi kif se jgħinhom jegħlbu l-isfidi fis-settur u kif ser jibża għal din ir-riżorsa prezzjuża u jżomm l-edukatur għal qalbu f’dan is-settur. Filwaqt li aħna insaħħu l-vokazzjoni tal-edukatur biex aktar studenti jiddakkru lejn din il-professjoni nobbli, intom nsejtuhom għal kollox. Għalhekk dan il-budget huwa wieħed bla soluzzjonijiet.
Bernard Grech qal li dan il-budget kien wieħed diżappuntanti għax nes alill-istudenti u liż-żgħażagħ kif sostna l-Kunsill Studenti Universitarji.
Dwar l-ambjent Bernard Grech qal li għall-PN dan huwa prijorità. Biex ikollna ħajja aħjar f’pajjiżna verament irridu nirrispettaw lill-poplu Malti u Għawdxi billi noffru ambjent aħjar.
Dwar l-ambjent, il-Gvern wiegħed ħafna qabel l-elezzjoni, um’hu jagħmel xejn. X’sar minnu l-proġett tal-mini ta’ Santa Venera? Jew il-proġettta’ Triq Sant’Anna fil-Floriana. Fuq il-ħarsien tal-annimali kien hemm biss 50 kelma; kellkom tagħmlu kampanja nazzjonali ta’ neutering b’xejn. Ma smajna xejn. Il-gvern wiegħed għajnuna lis-santwarji iżda ma sar xejn.
Fil-budget insew kompletament lill-Kemmuna u lanqas għamlu riferenza għall-kriżi fil-ġbir tal-iskart. Dan apparti li ssemmew affarijiet li ilhom ikunu mwegħda żmien u għomor.
Matul dan is-sajf pajjiżna beda jkollu kriżi minħabba muntanji ta’ skart kif ukoll telqa kbira f’diversi lokalitajiet. Numru ta’ xtajtiet kellhom jingħalqu minħabba s-saħħa tan-nies u saħansitra tinqabdu titfgħu d-drenaġġ fil-baħar.
Kabbartu l-popolazzjoni, ma tindirizzawx il-ħtiġijiet, il-Kunsilli Lokali warrabtuhom u lin-nies insejtuhom. Fondi għall-upkeep ma ssibux għax tippreferu li tiffangaw intom, sostna l-Kap tal-PN.
Bernard Grech kompla li l-PN huwa garanzija għal ambjent san u nadif. Politika b’viżjoni msawra fuq pilastri ekonomiċi li jsaħħul-ekonomija u jġibu introjtu li permezz tiegħu wieħed jista’ jinvesti bl-aqwa mod fl-ambjent Malti. Li nitilqu mill-mudell ekonomiku taż-żieda fil-popolazzjoni. Mudell ekonomiku fallut ta’ dan il-Gvern. Mudell li ġab piżijiet ġodda fuq il-poplu. Fejn iż-żgħażagħ qed jgħidulek b’mod ċar li l-ambjent Malti m’għadux jattirahom għax fnejtuh anzi jgħidulek li jħossuhom jifgaw f’pajjiżhom stess.
Dwar is-saħħa Berbnard Gerch qal li l-gvern għamel agħar għax hawnhekk daħlu kompliċi u taw €400 miljun minn bwiet il-poplu lill-barranin u servizz flok tjieb mar lura minkejja s-sagrifiċċji kbar tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.
Is-settur tas-saħħa jinsab għarkuptejh. Mas-Saħħa m’hemmx kompromessi għax il-pazjenti jixirqilhom l-aħjar. Is-sena li għaddiet stedintek biex twaqqaf il-kuntratt ta’ Steward, illum sena wara… dan int m’għamiltux. Il-kuntratt waqaf grazzi għall-kawża li ftaħna aħna permezz tal-Kap tal-PN ta’ dakinhar Adrian Delia, qal Bernard Grech.
Il-qorti, qaltilkom ċar flok ħaristu l-interess tal-pajjiż u tal-poplu ħaristu l-interessi tal-barranin – mhux ta b’xejn il-Prim Ministru jattakka l-Qorti – għax din l-istituzzjoni ma mejlitx rasha kif ried il-Prim Ministru imma neżżgħetu quddiem il-poplu Malti u Għawdxi u għarfitu għal dak li hu.
Bernard Grech qal li mhux talli ma sar l-ebda investiment f’dan is-settur tant u tant kruċjali talli qassamtu, sraqtu mill-poplu €400 miljun … u ma tibżax tipprova ġġibhom lura.
Hu qal li l-gvern wiegħed li se jwassal il-mediċina fid-djar, bieb bieb iżda lanqas fis-swali ma twasslu l-mediċini.
Il-viżjoni tal-PN hija ta’ investiment state of the art anki fil-qasam tas-saħħa. Investiment f’apparat tas-saħħa mill-aktar modern, li jgħin bl-aqwa mod fil-kura tal-pazjent. Jgħin lill-professjonist, lit-tabib, lill-infermier, biex il-vokazzjoni li għażel li jwettaq, jagħmilha bl-aqwa mod.
Fl-onkoloġija l-PN jinvesti u jwettaq pjan għaliex ħadd ma għandu jintbagħat jittallab għall-kura. Id-dinjità tibqa’ sagra għalina u dmirna hu li nnaqsu u hux inżidu l-piż li jkunu għaddejin minnu l-pazjent u tal-familja. L-assigurazzjoni tagħna f’dan is-settur hu li b’investiment denju nżidu l-ammont ta’ professjonisti u carers meta mqabbel mal-ammont ta’ pazjenti u mhux kontra. Ma nistgħux nibqgġu ngħaffġu lill-professjonist u lill-ħaddiem.
Bernard Gerch qal li l-qagħda fis-saħħa mentali kompliet sejra lura għax jinsab minsi mill-gvern. Taf xi nbidel? Li s-sena li għaddiet fil-budget semmejtu li tibnu sptar tas-saħħa mentali ġdid, iżda mhux talli m’għamiltu xejn talli ma semmejtu xejn fil-budget dwar l-isptar tas-saħħa mentali ġdid.
Hu inkwetanti li aktar minn 74% ta’ żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-18-il sena, u aktar minn 56% ta’ dawk ta’ bejn id-19 u l-25 sena jwieġbu li kellhom tħassib dwar is-saħħa mentali tagħhom fl-aħħar snin. Is-soluzzjoni ta’ Robert Abela għal dan kollu hi li jqaċċat il-budget tar-Richmond Foundation
Gvern Nazzjonalista ġdid jibni sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali qrib l-Isptar Mater Dei, jitkompla x-xogħol ta’ rinnovar fl-Isptar Monte Carmeli, il-kura fis-saħħa mentali tingħata fuq livell u b’mod ta’ kif jiġu trattati kundizzjonijiet oħrajn, jsir investiment fil-formularju tal-medicini b’mediċini ġodda li qed jingħataw diġà fis-suq u li nafu li joffru livell ta’ kura aħjar u jinħoloq pjan ta’ edukazzjoni biex negħlbu l-istigma marbuta ma’ nies li jbatu minn din il-kundizzjoni.
Dan filwaqt li noħolqu programm ta’ għarfien li jingħata f’livelli differenti fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna dwar kif tinduna u tfittex l-għajnuna, nintegraw il-kura u t-trattamenti li jingħataw fis-sistema tas-saħħa mentali fil-kliniċi u fil-bereġ madwar pajjiżna biex negħlbu l-istigma isir programm ta’ assessjar fi studenti u l-ħaddiema kollha ta’ pajjiżna biex b’eżaminazzjoni jkunu jafu jekk humiex qed ibatu minn xi kundizzjoni relata mas-saħħa mentali u ninvestu fir-riżorsa umana fil-kliniċi u fl-isptarijiet.
Proposti orħa tal-PN huma li ngħinu għaqdiet volontarji biex jinvestu aktar f’dan is-settur, insaħħu l-metodi biex nies fi kriżi jistgħu jirrikorru immedjatament għall-għajnuna bit-telefon, online jew fiżikament u nintroduċu safe spaces concept f’binjiet kbar jew pubbliċi meta wieħed iħossu mhux komdu jew li jrid ftit ħin għalih mingħajr distrazzjoni.
Dwar l-enerġija, hu qal li fil-budget qalu li ma stennewx li se jinqata’ d-dawl fis-sajf. Dan is-sajf il-poplu bata għall-inkompetenza u n-nuqqas ta’ investiment tal-gvern u bata l-poplu. Il-falliment tal-gvern f’dan il-qasam ikompli jikkonferma kemm kellha raġun l-aħħar amministrazzjoni ta’ Gvern Nazzjonalista, il-viżjoni tal-interconnector, varajna l-pjan tagħna fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u barra l-irdieden tar-riħ fil-baħar fond indikajna li għandu jsir t-tieni interconnector. Ftit ġimgħat wara qbiltu magħna.
Dan il-pjan mhux biss jassigura li ma jbatux il-familji anzi jinqdew aħjar imma anqas il-ħaddiema, filwaqt li n-negozji jkollhom is-serħan tal-moħħ li jistgġu jinvestu għaliex il-gvern se jassiguralhom l-enerġija.
Bernard Grech qal li l-PN fil-gvern jagħmel investiment xieraq u aċċellerat fin-network tad-distribuzzjoni, issir sistema ta’ data analysis li llum tista’ tinġabar mill-ismart meters, imposta rata ta’ disponibbiltà tal-elettriku ta’ 99.5% fuq l-operatur, żmien minimu ta’ notifiki ta’ waqfien għal xogħol pjanat u ammonti ta’ kumpens awtomatiċi għal kull dar li tkun bla servizz u jiġi rivedut il-proċess ta’ procurement tal-Enemalta, sabiex minflok jikkunsidra biss il-prezz tikkunsidra wkoll il-kwalità.
Gvern Nazzjonalista ġdida jwettq inċentivi għall-binjiet li jkollhom livell għoli ta’ effiċjenza fl-enerġija, inċentivi ta’ investiment fl-enerġija biex kumpaniji li jokkupaw binjiet f’parks industrijali tal-Gvern jużaw is-soqfa għal enerġija nadifa mingħajr ma jħallsu għall-kirja tal-bejt, issir installazzjoni ta’ sistemi ta’ ħażna ta’ batteriji f’punti kritiċi tan-network biex iżżid ir-reżiljenza tal-grid, ikunu introdotti rati ta’ benefiċċju għall-ħinijiet off-peak li jkunu orħos mill-orħos rata preżenti u jsir il-ftuħ tas-suq tad-distribuzzjoni tal-enerġija, li tippermetti li jkun hawn aktar lok ta’ investiment mill-privat
Din hi l-viżjoni tal-PN. Gvern Nazzjonalista jagħti garanzija ta’servizz tal-elettriku denju, li jixraq lill-pajjiż modern membru tal-Unjoni Ewropea, sostan l-Kap tal-PN.
Bernard Grech qal li matul din is-sena l-Pn tkellem fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ il-Korp tal-Pulizija billi jitjiebu l-kundizzjonijiet, ħalli l-Korp ikun tabilħaqq effettiv fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Għandna Korp demotivat, overworked u overstretched.
Taħt dan il-Gvern ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fl-aħħar snin tnawret u ġarrbet ħsarat li jaf ma jissewwew qatt. Pajjiżna spiċċagħal xi żmien grey listed. Dan kollu ħalla impatt ekonomikuqawwi għas-snin li ġejjin.
Irridu nibnu mill-ġdid ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna biex ikollnaħajja aħjar f’pajjiżna. Kollox bħal katina. Reputazzjoni tajba, issaħħlek l-investiment li wieħed jista’ jiġi jwettaq f’Malta u f’Għawdex. Biex isir dan kollu rridu naraw rieda min-naħa tal-Gvern. Il-Gvern iżda qed ikompli bil-politika ta’ ħabi, nuqqas ta’ trasparenza, korruzzjoni u l-ebda rieda biex intejbu r-reputazzjoni tal-pajjiż.
Irridu nindirizzaw il-kollass ta’ l-istituzzjonijiet f’pajjiżna u nħalluhom tassew ikunu indipendenti. Irridu nindirizzaw l-attakk li wettaq Robert Abela ftit tal-jiem ilu fuq il-Qorti Maltija; fuq il-ġudikatura. Dan kollu għax il-Qorti tal-Appell ikkonfermat kollużjoni, qerq tal-gvern tiegħu fil-bejgħ tal-isptarijiet.
Għat-tieni sena konsekuttiva l-Ministru tal-Finanzi ma semma xejn dwar il-proġett ta’ bini ta’ Qorti ġdida f’Għawdex u m’hemm l-ebda flus għal dan il-għan. Il-vot kapitali għall-Qorti ta’ Għawdex kien tnaqqas minn €400,000 għas-sena 2022 għal 100,000 għas-sena 2023.
Il-gvern nesa r-raba vapur ta’ Għawdex vapur għax kuntenti jħallsu eluf kuljum għal vapur li aktar ikun marbut milli bejn il-Fliegu. Dwar l-isptar ġdid f’Għawdex m’hemmx xejn. Il-PN kien dak li welled lil Għawdex bħala gżira reġjun.
Fl-aħħar tliet snin seħħ tnaqqis fil-budget li nagħta tal-MTA, bi tnaqqis ta’ €12-il miljun . Il-budget li jservi fir-riġenerazzjoni ta’ proġetti f’żoni turistiċi tnaqqas b’terz.
X’fondi ngħataw lill-artisti? Fejn hu l-villaġġ tal-Karnival, dak tal-artisti? Anki dwar il-plakka li seraq il-Ministru Refalo biex ipoġġiha fejn il-pool m’hemm xejn. Dan il-Gvern bla soluzzjonijiet lanqas biex irawwem u jikkultiva t-talent Malti.
Is-sena li għaddiet l-PN ħabbar l-10 setturi ekonomiċi ġodda li jemmen li għandhom ikunu pedament sod għall-ekonomija f’pajjiżna. Dawn huma investimenti bbażati fuq Metaverse, servizzi ta’ compliance u due diligence, manifattura avvanzata u speċjalizzata, ipprintjar 3D, applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali (AI), l-industrija tal-e-Sports, produzzjoni ta’ video games, industrija tal-isports, tisħiħ tas-settur tal-enerġija u intrapriżi soċjali
Fl-isfond ta’ Gvern bla soluzzjonijiet għax għejja, il-PN għandu viżjoni ekonomika li tiffoka fuq diversi pilastri ewlenin li huma l-amministrazzjoni ambjentali, ir-responsabbiltà soċjali: il-governanza t-tajba u l-prosperità ekonomika.
Il-PN iwettaq pjan ekonomiku ta’ eċċellenza li jwassal biex jerġa’ jkollna tama u kuraġġ f’pajjiżna u fina nfusna. Aħna għandna fiduċjaf’dan il-pajjiż. Aħna għandna fiduċja sħiħa f’dan il-poplu. Irridu ħajja aħjar f’pajjiżna għall-ħaddiema u l-anzjani tagħna b’pagi u pensjonijiet biex inti tixtri dak li jkollok bżonn mingħajr it-tħassib li l-paga jew il-pensjoni mhux se jservuk sal-aħħar tax-xahar.
Bernard Grech li Gvern Nazzjonalista ġdida iwettaq ħajja aħjar f’pajjiżna għas-self-employed u s-sidien tan-negozji u ħajja aħjar fejn kulħadd jieħu dak li ħaqqu – xejn iktar u xejn inqas. Dan fejn min hu batut jiġi mwieżen mis-sistema tas-servizzi soċjali u tas-saħħa. Mhux pajjiż fejn ikollok xibka ta’ ex deputati u nies qrib Kastilja u qrib il-PL involuti fi frodi b’rabta ma’ mijiet ta’ benefiċċji soċjali u ċertifikati, għall-flus u għax-xiri tal-voti.
Il-pajjiż qed jispiċċaw jiddibattu skandlu wara skandlu, inkluż fost l-oħrajn każ li jinvolvi xibka ta’ kriminalità marbuta mal-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan.
Il-poplu m’għandux jitlfef aktar ħin prezzjuż fit-traffiku minħabba nuqqas ta’ ppjanara fejn isir investiment kontinwu f’Malta u Għawdex. Gvern Nazzjonalista jemmen f’ħajja aħjar b’fondi Ewropej fosthom fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fl-ambjent u fl-infrastruttura. Dan fejn minflok inbigħu l-isptarijiet tagħna u nitilfu ħafna ħin nippruvaw nagħmlu minn kollox kontra min jipprova jġibhom lura, isir investiment kontinwu fis-saħħa tal-poplu.
Il-PN jemmen f’ħajja aħjar fl-edukazzjoni li ma tfissirx tagħlim fil-containers jew ftit bidliet kożmetiċi ‘l hawn u ‘l hemm f’numru ta’ skejjel, imma tfisser il-bini ta’ skola ġdida kull sena.
Ħajja aħjar tfisser skejjel moderni li jixirqu lit-tfal biex jitgħallmu f’ambjent li joħroġ il-kreattività tagħhom, fejn iż-żgħażagħ jimirħu f’opportunitajiet ta’ studju, taħriġ u xogħol li jagħtihom sodisfazzjon.
Dan fejn ikollna aktar postijiet pubbliċi, postijiet miftuħa fejn inti tista’ tgawdi lill-għeżież tiegħek u tirrilassa ’l bogħod mir-rutina tal-ġimgħa. fejn ikollna l-infrastruttura meħtieġa li sservi tajjeb għall-popolazzjoni li għandna, għat-turiżmu li naħdmu għalih u għall-investituri Maltin u barranin li għandhom investiment f’pajjiżna.
Ħajja aħjar titwettaq b’riżorsi tant meħtieġa għall-forzi tas-sigurtà fejn il-poplu jinqeda meta jkun irid jieħu ġustizzja, flok pajjiż fejn ikollok il-ġudikatura nnifisha li tiddeskrivi s-sistema fil-qrati bħala waħda falluta, bla riżorsi u qrib kollass.
Minflok kummissjonijiet bħal dik tal-films u aġenziji bħal dik tal-Malti, mifnija bi skandlu wara l-ieħor u ħatriet bl-addoċċ għal tal-qalba jew wirt storiku li jispiċċa fil-villa ta’ xi Ministru, ħajja aħjar tiżgura li l-artisti u n-nies mill-qasam tal-kultura verament jimirħu f’opportunitajiet ġodda.
Ħajja aħjar għall-Għawdxin; minflok wegħdi fuq wegħdi, toroq maqlugħa jew imfarrka għal snin twal, kostruzzjoni ma’ kullimkien, traffiku ġġammjat minn filgħodu sa filgħaxija, ħmieġ kull fejn tħares, nagħtuhom lura l-gżira li jixirqilhom.
Il-PN qed joffri t-tama. Qed jaqsam mal-poplu il-viżjoni u pjan tagħha biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar. Qed joħroġ b’direzzjoni ċara u serja li tassigura serħan il-moħħ, stabbilità ekonomika, aktar sigurtà, governanza serja, l-ogħla standards ta’ tmexxija, fuq kollox ambjent aħjar f’pajjiżna.
Bernard Grech qal li bil-viżjoni tal-PN ta’ eċċellenza: jirbaħ il-ħaddiem, jirbaħ min iħaddem, jirbħu s-self-employed u n-negozji, jirbaħ il-bieżel, jirbaħ il-pazjent, jirbaħ il-persuna b’diżabilità, jirbħu l-familji u l-anzjani. Mal-PN jirbħu ż-żgħażagħ, tirbaħ l-edukazzjoni, jirbaħ l-ambjent li ngħixu fih, tirbaħ is-saħħa, jirbħu l-Maltin u l-Għawdxin u jirbħu Malta u Għawdex.
Aħna għandna direzzjoni waqt li ħaddieħor jinsab mitluf u mifxul. Id-direzzjoni tagħna hija waħda li tibni fuq il-ħafna tajjeb li għandna fil-ħaddiema, fiż-żgħażagħ, fil-familji tagħna f’pajjiż ta’ kwalità fejn min iggvernah ikollu l-viżjoni t-tajba, mirquma, ta’ siwi u ta’ fejda, sostna l-Kap tal-PN Bernard Grech.