Lokali Qorti

Jammetti li qarraq bid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’benefiċċji ta’ l fuq minn €15,000

Raġel ta’ 59 sena ammetta li b’mod frawdolenti talab ‘il fuq minn €15,000 f’benefiċċji tad-diżabilità iżda wieġeb mhux ħati ta’ akkużi ta’ falsifikazzjoni. Carmel Cassar minn Ħal Tarxien, deher quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, akkużat mill-Ispettur Shaun Friggieri b’seba’ akkużi b’kollox, fosthom ta’ falsifikazzjoni, li xjentement għamel użu minn dokument falsifikat, li ffalsifika dokument pubbliku u xjentement għamel użu minnu, li għamel dikjarazzjoni falza lil awtorità pubblika, li ffroda lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali b’aktar minn €5,000 u qligħ ieħor frawdolenti ta’ aktar minn €5,000.

L-avukat ta’ Cassar, Jason Azzopardi, qal lill-Qorti li l-klijent tiegħu se jkun qed iwieġeb mhux ħati “għalissa,” u spjega li filwaqt li l-imputat kien lest li jammetti li xjentement għamel użu mid-dokumenti ffalsifikati, kien qed jiċħad li ffalsifikahom hu stess.

Il-Qorti spjegat lil Cassar il-konsegwenzi tal-ammissjoni parzjali tiegħu ta’ ħtija, li potenzjalment kienet tinkludi perjodu ta’ ħabs, multi kbar u danni potenzjali. Il-Maġistrat Lia qalet li qed tagħmel dan sabiex tkun ċerta li Cassar kien jaf għal xiex kien se jidħol.

“Jekk int dubjuż, inċert, jew taħseb li qed tiddikjara ħtija għal raġunijiet ħżiena, m’għandekx tagħmel dan.”
Ir-raġel, madankollu, ikkonferma l-ammissjoni tiegħu. Rappreżentant mid-dipartiment tas-Servizzi Soċjali esebixxa kopja tal-applikazzjoni tar-raġel għall-benefiċċji soċjali kif ukoll iċ-ċertifikat mediku li kien mehmuż magħha.

L-applikazzjoni għall-assistenza għal diżabilità severa ġiet ippreżentata f’Novembru 2020, flimkien ma’ rapport mediku lill-bord mediku, qal ix-xhud. Sussegwentement Cassar ġie eżaminat minn bord multidixxiplinarju u ċċertifikat bħala eliġibbli għall-assistenza għal diżabbiltà severa, u rċieva benefiċċji li kienu datati b’lura għad-data tal-applikazzjoni tiegħu.

Huwa kkonferma li l-imputat kien iffirma ftehim ta’ ħlas lura fix-xahar mad-dipartiment u kien ilu jagħmel dan minn Mejju, li taħtu għandu jħallas €100 lid-dipartiment kull xahar. “S’issa ħallas lura €600, minn total ta’ €15,731.”

Dr. Azzopardi talab lix-xhud jikkonferma li Cassar kien ġie sospiż b’nofs paga mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għal dawn l-aħħar xhur, iżda r-rappreżentant tad-dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma setax jgħid peress li ma kellu l-ebda involviment fil-proċeduri.

Il-maġistrat staqsiet lill-prosekuzzjoni jekk hijiex qed tintalab toħroġ digriet prima facie – li jkun ifisser li l-każ jista’ jiġi ġġudikat quddiem il-Qorti Kriminali, wara li l-Ispettur talab li tiddikjara l-provi tal-prosekuzzjoni magħluqa.

“Għandek każ b’seba’ akkużi li minnhom tlieta mhumiex qed jiġu ammessi….huwa każ prima facie jew qed tirtira t-tliet akkużi pendenti?” L-ispettur wieġeb li kien ikollu jkellem mal-Avukat Ġenerali dwar dan il-punt qabel jimpenja ruħu għal triq ‘il quddiem. Il-Qorti differiet il-każ għal aktar tard dan ix-xahar għal din ir-raġuni.