Raġel imfittex mill-pulizija li ma baqax jiffirna fl-Għassa tal-Pulizija fuq akkużi ta’ serq intargħaf waqt li kien qed jinstalla balavostri fil-Palazz Presidenzjali. Tristan Farrugia Tedesco ta’ 27 sena, mingħajr residenza fissa, tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Elaine Merceica akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li kien tpoġġa taħthom f’Ġunju u Novembru 2022.
Huwa kien akkużat ukoll li rreżista lill-pulizija fl-għassa ta’ Birkirkara, f’Ottubru, naqas milli jobdu l-ordnijiet tagħhom u ndaħlu fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Huwa kien mixli wkoll li l-Ħadd ikkaġuna ħsara volontarja fil-lockup tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, billi kisser fanal.
Farrugia Tedesco, deher fl-iżbarra b’siequ l-leminija fil-ġibs, daħal fl-awla izappap mingħajr krozzi. Huwa mifhum li hu kiser siequ stess waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija billi ta daqqa ta’ sieq fil-bieb taċ-ċella waqt li kien qed isofri minn sintomi severi mid-droga.
L-Ispettur Clayton Camilleri, li qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Joseph Mallia, qal lill-Qorti li l-imputat kien ilu ma ffirmax l-Għassa kif ordnat jagħmel mill-Qorti għal dawn l-aħħar ġimgħat, li wassal biex inħarġu żewġ mandati ta’ arrest b’rabta ma’ proċeduri kriminali li għaddejjin kontrih.
Fl-istess ħin, Farrugia Tedesco qed jiġi investigat ukoll għal aktar serqiet, żied jgħid l-ispettur. L-imputat, li hu mifhum li evada l-insegwiment tal-pulizija kemm fit-toroq kif ukoll minn fuq bjut tar-residenzi – ta ruħu f’għassa l-Ħadd fuq parir tal-avukat tiegħu.
F’mill-inqas żewġ okkażjonijiet, il-pulizija kienet ġew warjah fuq diversi bjut, ingħad fil-Qorti. “Kien hemm ħafna minn dawn l-inċidenti u Tristan eventwalment kellem lill-avukat tiegħu biex jgħid li kien għamel biżżejjed.” Farrugia Tedesco kellu wkoll problema akuta tad-droga, spjega l-Ispettur Camilleri.
Mistoqsi mill-Qorti dwar jekk bħalissa hux impjegat, huwa qal li għadu kif twaqqaf milli jaħdem fil-Palazz Presidenzjali. “Waqqfuni milli naħdem,” qal illum lill-qorti. “Kont naħdem għall-President George Vella, ninstalla xi balavostri, imma għax kont imfittex ċempluli u qaluli biex ma mmurx naħdem.”
Huwa mifhum li Farrugia Tedesco, li kien impjegat minn kuntrattur u qallu biex ma jirrapportax aktar għax-xogħol mill-President innifsu, għalkemm din it-talba ma setgħetx tiġi vverifikata . L-imputat inizjalment wieġeb ħati tal-akkużi, iżda deher inċert wara li l-qorti wissietu li l-flus tal-garanzija – total ta’ madwar €15,000 – fil-każijiet l-oħra tiegħu setgħu jiġu kkonfiskati jekk jammetti.
L-avukat difensur Noel Bianco spjega li Farrugia Tedesco kellu problema tad-droga u ried jiġi kkurat waqt li jkun il-ħabs. “Qatt ma ħadt id-droga meta kont il-ħabs,” qal l-akkużat. “Jien ilni sebgħa snin nipprova nieqaf. Jiena għajjien.” Il-Qorti rrimarkat li dan ma jfissirx li kellu jwieġeb ħati u li kien hemm għażliet oħra ta’ trattament disponibbli għalih.
Wara li reġa’ kkonsulta ma’ Farrugia Tedesco, Bianco informa lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien se jkun qed jirtira l-ammissjoni tiegħu u wieġeb mhux ħati. Id-difiża infurmat lill-qorti li f’dan l-istadju ma kinitx qed tintalab il-libertà proviżorja minħabba li l-imputat kien jeħtieġ kura għall-vizzju tad-droga li tkun amministrata aħjar f’ambjent ikkontrollat.
Huwa talab lill-qorti biex tirrakkomanda lid-direttur tal-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin biex jagħti lil Farrugia Tedesco l-assistenza medika meħtieġa u jibda l-proċess ta’ rijabilitazzjoni. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talbiet, li sussegwentement ġew milqugħa mill-qorti.
//= $special ?>