Basketball Sport

John Tabone Shield Irġiel: Starlites JSD jirbħu t-tieni unur tal-istaġun

Colin Schembri

Mellieħa Libertas Spalding….77

Starlites JSD……………………….85

(28-19)(10-22)(21-22)(18-22)

Ic-champions Starlites JSD għamluhom tnejn minn tnejn hekk kif fil-finali tal-John Tabone Shield għelbu lil Mellieħa Libertas Spalding 85-77 wara li kienu diġa għelbuhom fis-Super Cup. Il-partita rat lil Mellieħa jieħdu vantaġġ però kif għamlu fl-aħħar ħarġiet tagħhom, Starlites irkupraw u ġaladarba marru fuq quddiem kien diffiċli li jitilqu l-vantaġġ minn idejhom għalhemm Mellieħa rnexxielhom ifeġġu fuq quddiem fl-aħħar taqsima. Fil-fatt kienu Mellieħa li kellhom l-aqwa bidu fejn bil-punti ta’ Tederick Wolfe, Vukassin Jandric u David Bugeja rnexxielhom imorru 17-3 minn fuq. Wara time-out, Starlites bdew jirrispondu bi three pointers minn Kurt Xuereb u Alec Felice Pace u naqqsu d-distakk għal 10 punti 11-21. Mellieħakellhom risposta oħra minn Wolfe u Robert Bonnici biex irnexxielhom itemmu l-ewwel sessjoni 28-19 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Starlites bdew b’run ta’ 10-2 bi trippli ta’ A. Felice Pace u Matthew Attard u waslu sa’ punt ‘l bogħod. Hawn Mellieħa kellhom trippla minn Kwame Thompson però Starlites komplew bir-rimonta tagħhom bi break qasir ta’ 7-1 li rahom imorru basket minn fuq 36-34. Mellieħa wieġbu bi trippla ta’Corrado Mercurio però punti minn Attard u Malik Lorquet raw lil Starlites jidħlu jistrieħu 41-38 minn fuq.

Fit-tielet taqsima ż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin biex fit-tielet minuta baskets minn Mercurio u Thompson għamlu l-iskor indaqs 48-48. Starlites wieġbu b’żewġ trippli minn Attard u  Ian Felice Pace biex reġgħu marru sitta minn fuq hekk kif Mellieħa kellhom jibdlu lil Wolfe wara li kkometta r-raba’ foul. Minkejja dan, il-punti ta’ Thompson ħallew lil Mellieħa viċin u fi tmiem is-sessjoni l-vantaġġ ta’ Starlites kien ta’ erba’ punti 63-59. Fil-bidu tal-aħħar taqsima, Wolfe irritorna fuq il-court u b’sitt punti konsekuttivi poġġa lil Mellieħa fuq quddiem 65-63. Il-vantaġġ inbidel għal darbtejn oħra qabel ma żewġ trippli konsekuttivi ta’ I. Felice Pace bdew run deċisiva minn Starlites ta’ 14-2 li minuta mit-tmiem rathom jiftħu distakk ta’ 10 punti mill-avversarji 83-73. Mellieħa ma kienx fadlilhom ħin u minkejja żewġ baskets minn Bonnici u Thompson, Starlites għalqu l-partita bil-punti ta’ A. Felice Pace biex rebħu l-partita 85-77. Fi tmiem il-partita saret il-preżentazzjoni tat-trofew lil Alec Felice Pace minn Andrew Tabone, iben il-mibki John Tabone flimkien mal-kumplament tal-familja Tabone hekk kif Starlites iċċelebraw it-tieni unur tagħhom tal-istaġun.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 20, D. Bugeja 10, R. Bonnici 11, V. Jandric 12, I. Bonett, R. Carabott, K. Thompson 17, E. Valdespina 1, C. Mercurio 6, N. Pace.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 18, C. Hinkson 10, M. Attard 11, S. Aquilina, I. Felice Pace 19, M. Fabri, K. Fabri, D. Craven 4, L. Farrugia, K. Xuereb 9, N. Sultana, M. Lorquet 14.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Julie Londono.