Lokali

Membri Laburisti jibqgħu jaħbu kemm insterqu miljuni mid-deal tal-isptarijiet

Fil-Budget, il-Gvern ma ħabbar ebda investimenti jew proġetti ġodda. Fl-istess waqt li l-pajjiż tajjar 400 miljun f’deal mimli frodi u li sar b’ħadma ma’ Vitals u Steward.

U wara li l-Qorti kkonfermat din is-serqa, il-membri tal-Gvern qed jibqgħu jaħbu kemm verament insterqu miljuni f’dan id-deal skandaluż. Bl-iktar riċenti tkun is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg illi baqgħet taħrab mistoqsija sempliċi ta’ Net News biex tagħti ċ-ċifra eżatta ta’ kemm il-poplu Malti u Għawdxi nsteraq.

Fl-istess jum, Net News staqsa l-istess mistoqsija lill-Ministru Roderick Galdes, iżda minkejja li issa għaddew ħmistax mindu l-Qorti ikkonfermat is-serq b’konfoffa mal-Gvern Laburista, huwa ma kienx kapaċi jagħtina ċifra ta’ kemm kienet din is-serqa.

Fl-aħħar jiem, il-Kap tal-PN Bernard Grech ressaq mozzjoni fil-Parlament biex jisforza lill-Gvern iġib lura mingħand Vitals u Steward l-€400 miljun li l-Labour tahom għall-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

S’issa il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà baqa’ ma ħa ebda azzjoni… bil-Kap tal-PN Bernard Grech flimkien mad-Deputat Nazzjonalista, Adrian Delia, fetħu kawża l-Qorti biex ikomplu jipressaw lil Gafa u lill-Avukat Ġenerali.

U minkejja illi huwa fatt magħruf li l-Kummissarju tal-Pulizija għadu m’għamel xejn dwar dan l-iskandlu, il-Ministru Byron Camilleri qed jibqa’ jagħżel li joħroġ għonqu għalih.