Lokali Qorti

Mixli li kkorrompa tifla fil-bandli tal-Fgura

Raġel ta’ 42 sena mill-Fgura ċaħad li hedded u aggredixxa b’mod indiċenti tifla f’bandli f’raħal twelidu, li jinsab fi Triq Patri Redent. Louis Calleja tressaq taħt arrest quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, it-Tnejn u akkużat li kkorrompa tifla ta’ seba’ snin, li żammha kontra r-rieda tagħha u li ssuġġettaha għal atti immorali.

Calleja ġie mixli wkoll li kkaġuna persuna vulnerabbli biża’ mill-vjolenza, offenda l-morali pubblika f’post miftuħ għall-pubbliku, ġarr arma tan-nar u sikkina fil-pubbliku mingħajr liċenzja, wettaq reat kontra l-persuna waqt li kien fil-pussess ta’ arma, li sar riċediv u li kiser ta’ ordni ta’ probation.

L-Ispetturi Antonello Magri u Wayne Buhagiar, li mexxew il-prosekuzzjoni flimkien mal-avukati Cynthia Tomasuolo u Jurgen Dalli mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qalu lill-Qorti x’wassal għall-arrest tar-raġel. Fit-28 ta’ Ottubru, mara ta’ nazzjonalità Indjana kienet marret l-għassa ta’ Raħal Ġdid biex tirrapporta li, waqt li binha u bintha kienu kienu fil-bandli tal-Fgura, raġel kien ġibed lit-tifla lejh, heddidha b’sikkina u pistola, qabel ma espona lilu nnifsu.

Filmati tas-CCTV miż-żona kienu kkonfermaw ir-rakkont tal-mara. Calleja ġie identifikat mill-filmat u ġie arrestat fid-dar tiegħu, fejn instabu wkoll il-ħwejjeġ li jidhru fuq il-filmati. Calleja ingħata l-police bail tal-pulizija fit-2 ta’ Novembru biex imur għal kura fl-isptar qabel ma reġa’ ġie arrestat erbat ijiem wara.

Meta mistoqsi mill-pulizija, ir-raġel qal li kien rabat biss il-lazzijiet taż-żarbun tat-tifla u kellimha. Calleja wieġeb mhux ħati tal-akkużi u nżamm arrestat. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ protezzjoni li ddum il-kawża, favur il-vittma u l-familja tagħha. L-Avukat Michaela Giglio assistiet lill-imputat.