Rebħa għal Marsaxlokk li għelbu lil Birkirkara b’wirja impressjonanti oħra biex b’hekk reġgħu qabdu r-ritmu li kienu bdew bih. Tlett punti li jżommu lix-Xlukkajri mal-ewwel tliet postijiet tal-klassifika fejn jidher ċar li dan it-tim ser ikun ir-revelazzjoni ta’ dan l-istaġun. Immexxija minn Winston Muscat, huma tim tattikament organizzat u kapaċi jibdlu l-logħba skont l-avversarji mingħajr wisq problemi. Birkirkara kellhom bidu tajjeb fejn bdew jippressaw lill-avversarji, iżda kien mistenni ħafna aktar mit-tim immexxi minn Giovanni Tedesco fejn għalihom din kienet it-tielet telfa tal-istaġun. L-Istripes jinsabu f’nofs il-klassifika iżda żgur li l-objettivi tagħhom huma ferm akbar mill-posizzjoni li jinsabu fiha. Għal Marsaxlokk Messias għal darb’oħra strumentali u determinanti.
Floriana kisbu rebħa meritata u importanti biex telgħu fl-ewwel post tal-klassifika b’punti daqs Ħamrun Spartans iżda issa b’differenza ta’ gowls aħjar li iżda fl-aħħar mill-aħħar fil-kampjonat Malti ma jgħoddux. Il-Greens kienu ġejjin minn zewġ draws, iżda bi tliet gowls fl-aħħar fażi tal-logħba huma għelbu lil Sirens. It-tim minn San Pawl il-Baħar kien ġej minn żewġ telfiet kontra Gżira United u Ħamrun Spartans fejn komplew iżommu flimkien ma’ Santa Lucia l-qiegħ tal-klassifika fejn għadhom ukoll ifittxu l-ewwel rebħa. Quddiem folla numeruża ispirata mill-fatt li Ħamrun waqqgħu il-punti ġurnata qabel, huma kkontrollaw il-partita sa mill-bidu għalkemm sabuha ferm diffiċli biex jiskurjaw fl-ewwel taqasima. Rebħa li tkompli timla b’kuraġġ lit-tim immexxi minn Mauro Camoranesi.

Ħamrun naqqsu li jibqgħu jżommu weħidhom l-ewwel post tal-klassifika, dan wara li kienu miżmuma fi draw minn tim ieħor fil-forma, Mosta. Dawn tal-aħħar kien ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi. Minkejja li l-Ispartans kellhom aktar mill-ballun xorta waħda kien draw meritat peress li Mosta taw wirja tajba fejn kellhom il-mumenti tagħhom ukoll. Ovvjament spikka l-goalkeeper ta’ Mosta Akpan li kellu wirja tajba hekk kif b’mod partikolari fl-ewwel nofs siegħa salva diversi blalen indirizzati fil-lasta tiegħu. Jidher li d-dwell għar-rebħ tal-kampjonat ser ikun bejn Ħamrun Spartans u Floriana hekk kif it-tnejn li huma jinsabu miexjin id f’id fil-quċċata tal-klassifika. Interessanti l-fatt li l-aħħar logħba tal-ewwel round u b’hekk ovvjament tal-kampjonat hija skedata bejn dawn iż-żewġ protagonisti.

Ikompli l-mument maġiku ta’ Sliema Wanderers hekk kif huma għelbu lil Santa Lucia b’gowl uniku skorjat għaxar minuti minn tmiem l-ewwel taqsima. Din kienet rebħa fundamentali għat-tim immexxi minn Paul Zammit fejn issa jinsabu fil-post fejn konna mdorrijin narawhom. Ix-xogħol li sar matul dawn l-aħħar sentejn jidher li qed jagħti l-frott fejn il-Blues jistgħu issa jħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu. Mill-banda l-oħra problemi għal Santa Lucia li jibqgħu fil-qiegħ tal-klassifika b’żewġ punti fejn għadhom jistennew l-ewwel rebħa. Sliema Wanderers bla dubju kienu l-aħjar tim f’dan il-konfront iżda naqsu li jissiġillaw ir-rebħa biex baqgħu inċerti sat-tisfira finali.

Hibernians kisbu tlett punti importanti mill-konfront tagħhom kontra Gudja United u b’hekk
avvanzaw ftit fil-klassifika tal-kamjonat BOV Premier. Din kienet logħba li l-Pawlisti riedu jirbħu wara l-wirjiet fqar u nuqqas ta’ punti li kisbu fl-ewwel partiti. L-istess għal Gudja United li wara din it-telfa jkomplu jżommu t-tnax-il post tal-klassifika. Fl-ewwel taqsima ż-żewġ timijiet ħarġu aggressivi ferm u fl-ewwel minuti kien hemm numru ta’ azzjonijet li kienu kkontrollati mid-difiżi rispettivi. Hibernians iżda bdew ikunu aktar perikolużi fejn bdew jippressaw lill-avversarji. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal tlett minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, gowl u eventwalment tlett punti li taw in-nifs lil Hibernians u b’mod partikolari lill- kowċ tagħhom Branko Nisevic.

Valletta salvaw punt kontra Gżira United, meta skurjaw erba’ minuti qabel id-disgħin minuta. Il-Maroons skurjaw fl-ewwel kwarta u dehru li se jirritornaw għar-rebħ wara t-telfa ta’ ġimgħa ilu kontra l-ġirien Sliema. Huma kienu dominanti b’mod partikolari fl-ewwel taqsima. Fil-fatt Gżira ma rnexxilhomx jagħlqu l-logħba u ta’ dan pattew hekk kif deċiżjoni li qajmet xi ftit ta’ kontroversja waslet għall-penalty u l-gowl tad-draw għal Valletta. Draw li prattikament ma’ kkuntenta lil ħadd. Valletta fit-tmien post tal-klassifika b’disa’ punti u Gżira punt warajhom. It-tnejn li huma jridu juru titjib konsiderevoli jekk jaspiraw li jispiċċaw fuq in-naħa t-tajba tal-klassifika.

Naxxar Lions ħażdu lil Balzan biex kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun u b’dawn it-tlett punti ngħaqdu ma’ Valletta u Balzan fuq disa’ punti. B’hekk tkompli s-serje pożittiva tat-tim immexxi minn George Vella li qed jidhru tim organizzat ħafna aktar minn dak li rajna fil-bidu tal-istaġun. Balzan bdew tajjeb fl-ewwel logħbiet iżda issa donnhom naqsu xi ftit ir-ritmu fejn komplew jinżlu aktar l-isfel fil-klassifika. Ovvjament kull tim irid ikun attent u konxju l-ħin kollu li din is-sena ser ikunu 4 t-timijiet li jisfaw relegati. Apparti minn hekk jidher bilanċ bejn it-timijiet fejn anki dawk li jinsabu jokkupaw l-aħħar postijiet qed jagħtu logħba lil kulħadd u rebħa jew tnejn idawwru kompletament ix-xenarju.

INNUTAJNA
LI aktar plejers żgħażagħ Maltin iħallu xtutna biex ikomplu l-karriera fuq bażi professjonali u dan jawgura tajjeb għall-futur. Denzil Muscat imur Messina biex hemmhekk isib ukoll lill-plejers Maltin Nathan Zerafa u Andrea Zammit.
LI għall-partita kontra l-Ingilterra l-kowċ nazzjonali Malti Marcolini sejjaħ xi uċuħ ġodda fl-iskawdra inizjali. Fost dawn insibu lill-attakkant ta’ Floriana Kemar Reid li kiseb iċ-ċittadinanza Maltija ftit tal-jiem ilu kif ukoll lil Myles Beerman ta’ Sliema Wanderers li rritorna fit-tim nazzjonali.
LI jkompli l-mument maġiku tat-tim tan-Nisa tal-futbol, dan hekk kif huma għelbu lill-Andorra għat-tieni darba fi spazju ta’ ftit ġranet. Din kienet ir-raba’ rebħa minn daqstant logħbiet fejn it-tim immexxi minn Manuela Tesse jinsab pass ‘il bogħod mill-promozzjoni. Prosit u Awguri.
//= $special ?>