Ekonomija Lokali

Terz tal-popolazzjoni f’pajjiżna huma barranin

L-aħħar ċifri uffiċjali li għadu f’idejh il-Gvern jindikaw li l-popolazzjoni ta’ pajjiżna qabżet il-516,000 persuna – li minnhom, terz huma barranin.

Fil-fatt, madwar 71% tal-popolazzjoni huma Maltin; dan ifisser li tlieta minn kull għaxar persuni huma barranin. B’San Pawl il-Baħar tibqa’ l-aktar lokalità popolata.

Dan ħareġ minn informazzjoni provduta fil-Parlament mill-Ministru Byron Camilleri wara domanda li saret mid-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut. U ċ-ċifri preżentati juru li 60% tar-residenti f’San Pawl il-Baħar huma barranin, u dawn jammontaw għal 21,700 persuna.

Fuq livell nazzjonali…ir-residenti barranin jinqasmu f’erba’ kategoriji, 11.5% huma bis-single permit, 8.9% Ewropej, 5.9% mhux Ewropej u 1.9% huma Brittaniċi.

L-Imsida hija t-tieni lokalita bl-ikbar ammont ta’ residenti barranin mhux Ewropej – propju 6,416-il persuna li jgħixu f’din il-lokalita, segwita minn Tas-Sliema, San Giljan, il-Ħamrun u Ħal Qormi.

Minn naħa l-oħra il-lokalitajiet bl-inqas residenti huma l-Imdina, b’291 persuna segwita bl-Għasri b’586 resident.

L-ebda lokalita oħra f’Malta u Għawdex ma għandha inqas minn 1,000 resident.

U waqt li skont din l-informazzjoni bosta ħaddiema barranin li jgħixu Malta jħallu lil uliedhom f’art twelidhom, dawk il-ħaddiema li għandhom Single Permit jistgħu japplikaw sabiex jiġu f’Malta kemm żwieġhom kif ukoll uliedhom jekk għandhom biex imantnuhom.

L-istess ċifri juru li Birkirkara hija l-lokalita bl-akbar ammont ta’ żgħażagħ Maltin, segwita mill-Mosta, Ħaż- Żabbar u Ħal Qormi.