Lokali

Anzjan fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar minn karozza f’Ħaż Żebbuġ

Anzjan ta’ 74 sena jinsab l-isptar Mater Dei jissielet għal ħajtu wara li ttajjar minn karozza f’Ħaż Żebbuġ.

L-inċident seħħ it-Tlieta filgħodu għall-ħabta tal-4:15 fi Triq l-Imdina.

Il-Pulizija marret fil-post u minn investigazzjoni li saret irriżulta li l-anzjan residenti ż-Żejtun intlaqat minn karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 25 sena residenti San Pawl il-Baħar.

Tim mediku mar fil-post sabiex jassisti dan filwaqt li l-anzjan ittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji u li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Il-Maġistrat tal-Għassa Elaine Rizzo ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.