Il-memorja ta’ dawk li taw servizz lil pajjiżna fil-gwerer ġiet onorata f’ċerimonja li saret fl-okkażjoni ta’ Jum it-Tifkira – jew kif ħafna jafuha, il-Poppy Day.
Iċ-ċerimonja saret fil-Kappella ta’ Sant’Anna fil-Forti Sant’Iermu, li fiha hemm il-Memorial tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra.
Waqt iċ-ċerimonja – li saret b’kollaborazzjoni bejn Heritage Malta, il-Kumitat Festi Nazzjonali u Festivals Malta – sar tqegħid ta’ fjuri, inżammet minuta silenzju, u ndaqq il-Last Post minn membri tal-Korp tal-Pulizija.
Minbarra diversi midalji, f’ dan il-Memorial hemm esebiti wkoll bosta oġġetti oħra, fosthom plakki li ngħataw matul iż-żmien lill-Mużew minn eks servicemen anzjani li bihom xtaqu jfakkru lil sħabhom li mietu fil-gwerra.
Il-ġurnata propja ta’ Jum it-Tifkira hija s-Sibt 11 ta’ Novembru, għalkemm f’pajjiżna din issir nhar il-Ħadd li ġej.