Sport Sport Ieħor

Ċess: Malta tikseb ir-raba’ post fil-Kampjonati tat-timijiet tal-Pajjiżi ż-Żgħar Ewropej

It-tim Malti taċ-ċess magħmul minn Colin Pace bħala captain, Jake Darmanin, Robert Novak, Robert Zerafa u David Cilia Vincenti ipparteċipaw fil-European Small Nations Association Team Championships li saru f’Jersey, fir-Renju Unit.

Malta rebħet ħames logħbiet kontra Jersey (2½-1½), Monaco (3-1), San Marino (3½-½), Liechtenstein (3-1) u Guernsey (3-1). Malta kisbet draw kontra Ċipru, u tilfet kontra Gżejjer Faroe (1½-2½), Lussemburgu (1-3) u Andorra (1-3).

Kull plejer kien assenjat board (minn 1 sa 4), flimkien mar-riserva fuq il-ħames board. Cilia Vincenti fuq il-ħames board kiseb l-aħjar riżultat li wasslu biex rebaħ id-deheb b’ 5.5 punti minn 7 logħbiet.

Fuq it-tielet board, Novak, temm il-kampjonat bla telf fit-tmien logħbiet tiegħu, biex rebaħ il-Bronż fuq 5 punti.

Fuq l-ewwel board, Pace kiseb 4 punti minn 8, inkluż draw eċċellenti kontra GrandMaster Bageri.

Darmanin fuq it-tieni board akkwista 3½ punti minn 7 logħbiet, filwaqt li Zerafa kiseb 2½ punti minn 6 logħbiet fuq ir-raba’ board.

Dan kien l-aqwa riżultat li Malta kisbet f’dawn il-kampjonati, fejn temmet fir-raba’ post.