Sean Grech ta’ 29 sena ġie kundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati mill-Maġistrat Leonard Caruana li erba’ snin ilu daħal mill-gallarija fir-residenza ta’ anzjan ta’ 71 sena f’Bormla waqt li dan kien rieqed. Huwa nstab ħati li seraq żewġt ċpiepet u ġiżirana u li sawwat lill-anzjan.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-każ seħħ fit-8 t’Ottubru tal-2019 għall-ħabta tal-4.40am fi Triq San Ġorġ. Mix-xhieda u l-provi, ġie kkonfermat li Grech seraq waħda miż-żewġt iċpiepet tal-marka Rolex u ġiżirana bajda u safra tad-deheb.
Ħareġ li huwa tela’ mal-faċċata tad-dar tal-anzjan u daħallu mill-gallarija. Hemm Grech mar fuq il-vittma u qallu “agħtini li għandek,” għal darba darbtejn u qabad jagħtih bil-ponn. Fil-Qorti ntqal li l-oġġetti li nsterqu kienu fuq l-anzjan.
Grech instab ħati wkoll li weġġa’ gravi lill-anzjan, billi fost l-oħrajn kisrilu imnieħru u benġillu madwar għajnu x-xellugija. Apparti l-piena ta’ ħabs, Grech ġie ordnat iħallas €5,200 lill-vittma tal-oġġetti li seraqlu u ġie ordnat ukoll iħallas €3,800 fi spejjeż tal-Qorti. Il-Maġistrat Caruana ħareġ anki ordni ta’ trażżin favur il-vittma għal sentejn. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Fabian Fleri, u mill-Ispetturi Lydon Zammit u Oriana Spiteri.
//= $special ?>