Edukazzjoni Lokali

‘Il fuq minn 28,500 student irreġistrati f’livell post-sekondarju u f’livell terzjarju

Matul is-sena skolastika tal-2021-2022 ‘il fuq minn 28,500 irreġistraw f’istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji. Dan hekk kif madwar 9,610 student komplew b’edukazzjoni post-sekondarja dan filwaqt li ftit aktar minn 19,000 student komplew b’edukazzjoni terzjarja.

Dam ħareġ minn stħarriġ li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li qal dan l-ammont ta’ studenti juri żieda ta’ 2.5% fuq is-sena akkademika ta’ qabel.

Apparti minn hekk, l-istħarriġ juri li l-akbar proporzjon ta’ studenti post-sekondarji kienu taħt l-20 sena – li jammonta għal madwar 88.9% dan filwaqt li studenti barranin irreġistrati f’istituzzjonijiet bħal dawn kienu jammontaw għal 12.1% tal-istudenti kollha rreġistrati fil-livell post-sekondarju.

Minn naħa l-oħra matul is-sena akkademika 2021-2022, studenti barranin fil-livell terzjarju ammontaw għal 24.7% tar-reġistrazzjonijiet terzjarji kollha fejn 13.1% kienu ċittadini oħra tal-Unjoni Ewropea u 11.6% kienu ċittadini mhux tal-Unjoni Ewropea. U għalhekk dan jirriżulta f’żieda ta’ 7.1 punti perċentwali ta’ studenti barranin fuq is-sena akkademika ta’ qabel.

Fil-livell terzjarju, il-qasam ta’ studju fin-‘Negozju, amministrazzjoni u liġi’ kien l-aktar popolari b’27.3%. Dan kien segwit mill-qasam tas-‘Saħħa u benesseri’ b’21.3% dan filwaqt li l-qasam ta’ studju l-anqas popolari fil-livell terzjarju kien l-‘Agrikoltura, forestrija, sajd, u veterinarju b’0.3% biss.