L-attakki storiċi mit-terroristi tal-Ħamas f’Iżrael għalqu xahar u meta dan il-grupp għadu akkost ta’ kollox jirrifjuta li kien qed jimmira speċifikament għaċ-ċivili – inklużi tfal – waqt il-massakri tas-7 ta’ Ottubru li xukkjaw lid-dinja.
U waqt li l-Iżraeljani qed ikomplu jattakkaw u jibbumbardjaw il-bejtiet tal-Ħamas fl-ibliet ta’ Gaza, Mousa Abu Marzouk, wieħed mill-kapijiet politiċi ewlenin mal-grupp terroristiku, baqa’ jinsisti li l-Ħamas, fis-7 ta’ Ottubru, kien qed jimmira biss ‘għar-riservisti mal-Armata Iżraeljana u oħrajn li kienu qed jagħtu servizz militari fuq bażi tal-lieva’.
Dan minkejja l-provi rifjutabbli li t-terroristi kienu daru minn dar għal dar qalb il-komunitajiet tal-Iżraeljani u fejn ma ħafruha lil ħadd – irġiel, nisa, tfal, trabi u persuni bi bżonniiet speċjali.
Fl-istess ħin, Abu Marzouk qed itenni, għan-nom tal-Ħamas, li ‘in-nisa, it-tfal u ċ-ċivili kienu eżenti mill-attakki’…Dan meta l-esperti forensiċi f’Iżrael għadhom qed jippruvaw jidentifikaw il-katavri maħruqa ta’ għexieren ta’ nisa, tfal u trabi li kienu fost l-1,400 li nqatlu dakinar taħt idejn it-terroristi.
Fost il-provi tal-attakki indiskriminattivi tal-Ħamas hemm filmati li ttieħdu mill-bodycams elevati mill-katavri tat-terroristi li nqatlu fl-artijiet ta’ Iżrael…Filmati li juru lit-terroristi qed jisparaw mingħajr ħniena fuq l-adulti u t-tfal u li qed isostnu provi oħrajn ipprovduti min-networks tal-aħbarijiet internazzjonali.
Mousa Abu Marzouk hu l-ewwel kap ewlieni tal-Ħamas li tkellem pubblikament dwar l-azzjonijiet qattiela tas-7 ta’ Ottubru u fejn qal li l-ostaġġi maħtufa mit-terroristi (u li qed jinżammu qalb il-mini taħt l-art ta’ Gaza) ma jistgħux jinħelsu dment li l-Iżraeljani jkomplu bil-bumbardamenti fuq Gaza….Bumbardamenti li ilhom għal xahar u li fihom mietu ‘il fuq minn 10,000.
Fl-aħħar sigħat ukoll, folol kbar ta’ Iżraeljani kienu qed jiltaqgħu fil-belt ta’ Ġerusalemm biex isellmu lill-vittmi tal-Ħamas waqt id-dimostrazzjonijiet u sensiela ta’ attivitajiet sollenni. Il-mijiet tan-nies preżenti, fost oħrajn, xejjru l-bnadar ta’ Iżrael waqt li xegħelu x-xemgħat fis-siti indikati tal-belt.