Fl-aħħar sigħat kienu għaddejjin il-battalji intensivi f’talanqas tmien fronti tal-gwerra fit-Tramuntana ta’ Gaza.
L-agħar ġlied, fil-fatt, kien għaddej fl-artijiet lejn il-majjistral u l-lbiċ ta’ Gaza, fejn it-truppi Iżraeljani qed jikkontrollaw it-triq prinċipali lejn il-Belt ta’ Gaza flimkien ma’ triq ewlenija maġenb il-kosta.
L-attakki mill-ajruplani ta’ Iżrael, intant, mhumiex jieqfu u meta l-Iżraeljani huma determinati li jeqirdu l-bażijiet u s-siti tal-missili li t-terroristi stallaw qalb il-komunitajiet tar-residenti ċivili – u mingħajr rispett għall-ħajja tal-familji.
Fl-istess ħin, l-allarm qed ikompli jikber dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza li x’aktarx laħqet livell katastrofiku…L-indikazzjonijiet huma li tmienja minn kull għaxar familji Palestinjani qed ibatu l-ġuh u meta l-parti kbira tal-ifran f’Gaza jinsabu magħluqin minħabba n-nuqqas ta’ tqiq u fuel.
Madankollu, l-Uffiċjali Iżraeljani li qed jaġġornaw lill-istampa dwar is-sitwazzjoni f’Gaza insistew li mhemm l-ebda kriżi umana fit-territorju . Huma spjegaw li s-sitwazzjoni ‘għadha ‘il bogħod mill-minimu li jirrikjedi l-impenji umanitarji li Iżrael hu obbligat li jirrispetta taħt il-liġi internazzjonali’.
Intant, f’Gaza, matul il-lejl tat-Tnejn, inqatlu aktar għexieren ta’ nies waqt l-attakki mill-ajru tal-Iżraeljani fuq l-ibliet ta’ Khan Younis, Rafah u Deir al-Balah. L-ibliet jinsabu fin-nofsinar ta’ Gaza fejn fl-aħħar jiem kienu rilokati l-mijiet tal-Palestinjani li ftit ilu kienu jgħixu fl-artijiet ta’ fuq ta’ Gaza.
//= $special ?>