Internazzjonali

Il-Portugall: Jirriżenja l-Prim Ministru Soċjalista fost l-iskandlu relatat mal-enerġija

Il-Prim Ministru tal-Portugall, Antonio Costa, issottometta r-riżenja lill-President Portugiż Marcelo Rebelo de Sousa  meta hu jinsab implikat fi skandlu konness mal-kuntratti tal-Gvern fis-settur tal-enerġija.

Ir-riżenja kienet aċċettata wara li l-investigaturi fittxew fir-residenza uffiċjali ta’ Costa bħala parti mill-investigazzjoni dwar allegata korruzzjoni.

Għalkemm Costa ma ssemmiex bħala suspettat, l-investigazzjoni tfisser li hu ma setax ikompli fil-kariga ta’ Prim Ministru.

L-investigazzjoni qed tikkonċentra fuq il-‘konċessjonijiet’ min-naħa tal-Gvern għall-minjieri relatati mal-produzzjoni tal-lithium u l-produzzjoni tal-hydrogen – u meta ħames persuni, bħalissa, qegħdin jgħinu fl-istħarriġ tal-pulizija.

Tnejn mis-suspettati huma qrib ta’ Antonio Costa u jinkludu lill-Kap tal-Istaff tal-Prim Ministru, Vitor Escaria.

Il-Ministru Portugiż għall-Infrastruttura, Joao Galamba, intant, qed ikun akkużat bħala parti mill-inkjesta dwar il-ftehim li daħal għalihom il-Gvern fis-settur tal-enerġija.

Antonio Costa qal, issa, li d-dinjità tal-funzjoni ta’ Prim Ministru mhix kompatibbli ma’ kwalunkwe suspett dwar l-integrità tiegħu u wisq anqas f’sitwazzjoni fejn jidħlu s-suspetti dwar sehem f’xi reat kriminali.

Costa spjega li għalkemm jinsab sorpriż dwar l-investigazzjoni relatata mal-korruzzjoni, hu qiegħed jikkollabora bis-sħiħ mal-investigaturi – u meta mhux eskluż li aktar uffiċjali għoljin tal-Gvern jispiċċaw implikati, ‘il quddiem, fl-allegat skandlu.