Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola laqgħet lill-President ta’ Malta George Vella fil-binja tal-istituzzjoni Ewropea fi Brussell.
Il-President Vella, akkumpanjat mis-sinjura Vella, intlaqa bid-daqq tal-innu Malti u l-Innu tal-Unjoni Ewropea. Il-President Metsola u l-President Vella kellhom laqgħa privata bejniethom segwita minn laqgħa bilaterali bejn iż-żewġ naħat.
F’dik li ġiet deskritta bħala laqgħa storika, fejn il-President ta’ Malta żar lill-President ta’ istituzzjoni Ewropea li hija Maltija, ġew diskussi temi li jolqtu lill-poplu Malti, l-irwol ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-isfond tal-20 sena mindu ssieħbet bħala stat membru fl-2004, u l-ħidma li jeħtieġ tkompli titwettaq fuq livell Ewropew favur il-poplu Malti u Għawdxi.
Huma tkellmu ukoll fuq l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, kif ukoll dwar l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla u l-bżonn li l-Unjoni Ewropea tiġġedded għas-snin li ġejjin, fosthom billi tħejjiji ruħha għat-tkabbir bid-dħul ta’ aktar pajjiżi.
Il-President Metsola u l-President Vella żaru pittura tal-artista Maltija Ruth Bianco li tinsab esebita fil-Parlament Ewropew fi Brussell. Huma iltaqgħu mal-artista, kif ukoll mar-rebbieħ tal-Premju taċ-Ċittadini Ewropej Patri Marcellino Micallef, li jinsab Brussell biex jirċievi l-unur.
Il-President Metsola introduċiet diversi ħaddiema Maltin li jaħdmu fl-istituzzjoni Ewropea lill-President Vella, u qalet li l-Parlament Ewropew hu d-dar tal-Maltin u l-Għawdxin.
//= $special ?>