Ġimgħatejn ilu, il-Qorti kkonfermat li kien hemm kollużjoni fid-deal skandaluż li l-Gvern Laburista għamel ma’ Vitals u Steward… deal li seraq lill-poplu Malti u Għawdxi €400 miljun ewro. Iżda minkejja dak li qalet il-Qorti, il-Gvern Laburista għadu qed imeri s-sewwa magħruf.
Meta kien affaċjat bid-domandi ta’ Net News, il-Ministru tal-Anzjani JoEtienne Abela, l-ewwel qal li jaqbel mal-verdett tal-Qorti….
Iżda meta tlabnih biex jagħtuna s-somma eżatta ta’ kemm insteraq il-poplu Malti minn dan id-deal skandaluż… qalilna li ma jafx.
L-istess mistoqsija għamilniha lis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, fejn anke din id-darba bqajna mingħajr ċifra eżatta.
U għalkemm il-Qorti għamlitha ċara li kien hemm konfoffa bejn il-Gvern Laburista u Vitals u Steward, il-Ministru JoEtienne Abela baqa’ jinsisti li ma kien hemm ebda serq.
Bl-istess Ministru jibqa’ jaħrab milli jgħid għaliex sa issa l-Prim Ministru Robert Abela għadu ma fetaħx kawża konta Vitals u Steward biex iġib lura flus il-poplu… l-istess kif għamel is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.
S’issa l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà għadu sieket quddiem dan id-deal skandaluż u għadu ma ħa ebda azzjoni. Dan minkejja li meta laħaq fit-tmexxija tal-Korp iktar minn tliet snin ilu, kien wiegħed li mhu se jħares lejn wiċċ ħadd.