Lokali Qorti

L-AĠ jappella l-preskrizzjoni ta’ każ ta’ sewwieq li tajjar żagħżugħ fir-Rabat

L-Avukat Ġenerali appella mill-każ li fih sewwieq akkużat li kkawża ġrieħi permanenti lil żagħżugħ ta’ 18-il sena li kien qed jiġġoggja ma nstabx ħati minħabba li l-akkużi tqiesu bħala preskritti mill-qorti. Matteo Grima għamel ġimgħatejn f’koma u baqa’ jsofri minn ġrieħi permanenti wara li ttajjar minn karozza misjuqa minn Raymond Camilleri fi Triq Ħad-Dingli, ir-Rabat f’April tal-2020.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace f’Settrembru li għadda kienet ħelset lill-anzjan ta’ 64 sena minn kull akkuża. Issa, f’rikors ippreżentat fil-qorti tal-appell, l-Avukat Antoine Agius Bonnici, mill-Uffiċċju tal-AĠ saħaq li l-Maġistrat li mexxiet l-kawża applikat liġi ħażina meta ddeċieda li l-kawża kienet preskritta.

Dr. Agius Bonnici sostna li, f’dan il-każ, il-perjodu ta’ preskrizzjoni kien ta’ ħames snin mhux sentejn. Meta kklerjat lill-anzjan, il-Qorti laqgħet l-argumenti tal-avukati difensuri Giannella de Marco u Charles Mercieca li l-akkużi kienu preskritti.

Ħareġ ukoll li l-inkjesta tal-Maġistrat Nadine Lia dwar l-inċident tat-23 ta’ April 2020 ġiet konkluża biss fit-12 ta’ Jannar 2022, 21 xahar wara l-inċident filwaqt li l-akkużi kontra Camilleri tressqu f’Lulju ta’ wara. Fl-appell, l-AĠ irrimarka li l-ewwel qorti kienet illiberat lis-sewwieq taħt l-artikolu 328 tal-kodiċi kriminali, artikolu li taħtu Camilleri ma ġiex mixli.

Dan l-artikolu kien dwar ħruq ta’ nar jew ħsara lill-proprjetà permezz ta’ imprudenza, negliġenza jew nuqqas ta’ ħila f’sengħa jew professjoni jew minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ xi regolament. Camilleri ma kien għamel xejn minn dan kollu, qal l-AĠ.

Minflok, huwa kien ġie mixli taħt l-artikoli 218, 225 u 22. Dik li kkawża mewt jew ġrieħi serji b’imprudenza, negliġenza jew nuqqas ta’ ħila. Filwaqt li l-preskrizzjoni għall-artikolu 328 kien ta’ sentejn, l-oħrajn kellhom perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

Camilleri ġie notifikat bl-akkużi fit-12 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet u ordnat jidher il-qorti f’Settembru. L-akkużi rreferew b’mod ċar għall-inċident inkwistjoni, li fih Grima, player tal-football ta’ Mtarfa weġġa’ gravi u qatta’ ħin jiġġieled għal ħajtu.

L-Avukat Agius Bonnici, għalhekk, talab lill-qorti tal-appell biex tiddeċiedi li l-ewwel qorti applikat id-dispożizzjoni legali ħażina u, minflok, tordna li l-kawża tkompli tinstema’ fuq il-mertu. Grima kien qed jiġġoggja f’April tal-2020 meta ttajjar minn karozza. Huwa sofra ġrieħi serji f’rasu u spiċċa f’koma għal ġimgħatejn sħaħ qabel ma rkupra. Il-prosekuzzjoni kienry qed titmexxa mill-Ispetturi Roderick Attard u Charlotte Curmi.