Żagħżugħ ta’ 16-il sena tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li ħebb u ta daqqa ta’ ponn lil żagħżugħ ieħor, wara li ltaqgħu fil-Maċina, l-Isla – sabiex jitkellmu fuq telefonati anonimi li kienu qed isiru lill-eks sieħba tal-akkużat. Huwa ammetta bid-difiża titlob lill-Qorti li jsir rapport ta’ qabel is-sentenza, liema talba kienet milqugħa.
Fil-Qorti ħareġ li f’dan il-każ kienet involuta persuna oħra li qala’ ċ-ċavetta mill-ignition tal-karozza li kien fiha l-vittmam bl-akkużat jagħtih daqqa ta’ ponn fil-preżenza tat-tfajla tiegħu ta’ 15-il sena, liema tfajla kienet toħroġ mal-akkużat qabel.
Kawża tal-argument, il-vittma sofra minn ġrieħi ta’ natura gravi u aktar tard kellu jsirlu intervent mediku fix-xedaq fl-isptar Mater Dei. Il-każ seħħ fid-29 ta’ Ottubru li għadda filgħaxija – bil-vittma jiġi rilaxxat ftit tal-jiem ilu. L-akkuħat li joqgħod Bormla u li ismu ma jistax jissemma’ fuq ordni tal-Qorti ġie mixli li mingħajr ħsieb li joqtol jew li jqigħed il-ħajja fil-periklu ta’ żagħażugħ ieħor ikkaġunalu offiża ta’ natura gravi.
L-akkużat li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih ġie mixli wkoll li wettaq reat waqt il-perjodu ta’ sentenza sospiża u waqt il-perjodu ta’ probation, t-tnejn mogħtija lilu mill-Qorti tal-Maġistrati.
Il-Maġistrat Joe Mifsud tah il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000 u jiffima tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla. Il-Maġistrat talab li l-imputat jiġi segwit minn uffiċjal tal-probation.
Appella wkoll liż-żagħżugħ isib xogħol u jrabbi l-għaqal filwaqt li ordnalu biex jinġabar id-dar sad-9pm u ma joħroġx qabel is-7am. Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma sa tmiem is-sentenza. L-Ispetturi Kurt Farrugia u Keith Rizzo mexxew il-prosekuzzjoni bl-għajnuna tal-Avukat Guiliana Magro Conti mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Leontin Calleja deheret għall-akkużat.
//= $special ?>