F’diskors ta’ sagħtejn fil-parlament il-Prim Ministru Robert Abela naqas bil-kbir milli jsostni b’mod konkret is-soluzzjonijiet għall-pajjiż; wiegħda li hu għamel propju fl-aħħar ġranet.
Il-Prim Ministru qal li l-gvern qed joffri tmexxija bbażata fuq il-valuri u l-prinċipji li jemmen fihom. Hu sostna li l-gvern qed jgħin lin-nies quddiem l-inflazzjoni. Il-gvern se jibqa’ joffri stabbilità fl-enerġija, sostna l-Prim Ministru, li qal li l-gvern irid joħloq enerġija nadifa.
Robert Abela kompla li l-gvern għamel mekkaniżmu iktar wiesgħa dwar l-għoli tal-ħajja. Hu sostna li l-budget jagħti s-serenità u l-istabbilità lill-familji. Il-Prim Ministru attakka lill-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi għall-politika ta’ qabel l-2013 u lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Hu qal li l-pajjiż għandu finanzi fis-sod u hu pajjiż ekonomikament b’saħħtu.
Robert Abela qal li l-faqar naqas fil-pajjiż u ġġustifika d-dejn ta’ €10 biljuni li għamel dan il-gvern. Hu kompla li l-Gvern Laburista ma ħa xejn mill-programm elettorali Nazzjonalista ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Robert Abela sostna li mhux minnu li l-ekonomija hi bbażata fuq iċ-cheap labour u qal li l-ħaddiema żdiedu 100,000 fl-aħħar 10 snin. Hu kompla li l-istatisika turi li huma biss 8% l-ħaddiema li jagħmlu xogħol bażiku waqt li 44% huma managers jew professjonisti.
Il-Prim Ministru qal li l-gvern mhux se jieħu lezzjonijiet mingħand il-PN u sostna li l-gvern Laburista ħoloq numru kbir ta’ setturi ekonomiċi ġodda. Hu semma’ l-kumpanija ta’ xjentisti u riċerkaturi se tinvesti €74 miljun.
Robert Abela kompla li l-kontroll fuq il-popolazzjoni għandu jkun għandu l-awtoritajiet barranin u qal li l-gvern mhux se jippermetti li ftit nies jaqilgħu ħafna flus minn fuq l-importazzjoni tal-barranin.
Hu qal li d-demm Soċjalista tiegħu ma jtihx li jara abbuż fuq il-ħaddiema, anki jekk dawn ikunu barranin. Il-Prim Ministru qal li mhux aċċettabbli li jitpoġġew numru kbir ta’ ħaddiema barranin f’postijiet. Dan mhux sew anki għar-residenti Maltin, sostna l-Prim Ministru, li sostna wkoll li l-aktar pajjiżi li fihom kibret il-popolazzjoni huma dawk li fihom kiber l-għaks.