Maverick Azzopardi ta’ 27 sena residenti Marsaskala u li għandu problema ta’ droga u ansjetà tpoġġa taħt sentejn probation mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li nstab ħati li attakka raġel b’sikkina. Huwa nstab ħati li fl-2015, fil-lokalità ta’ fejn joqgħod, weġġa’ gravi raġel b’sikkina u laqtu f’wiċċu, widnejh u jdejh. Il-Qorti qalet li l-feriti ma jirriżultawx li kienu gravi.
Azzopardi kien ġie mixli wkoll li żamm sikkina bla permezz, li kellu arma tan-nar fuqu bla permezzz u kellu fil-pussess tiegħu d-droga cannabis. Il-Qorti semgħet kif l-akkużat mar fir-residenza tar-raġel b’sikkina l-għada li kellhom argument verbali u dan għax sempliċiment, l-akkużat kellu jagħti €10 lill-vittma.
Huma ġew fl-idejn u Azzopardiu laqtu bis-sikkina f’widnejh u spiċċa biex ċarratlu parti minnha. Irriżulta li Azzopardi mar għand il-vittma bl-inċident iseħħ fuq l-għatba tad-dar. Il-Pulizija qalet li sabu l-bieb tal-komun miftuħ u l-vittma kien nieżel it-taraġ tal-komun b’xugaman ma’ widnejh minn fejn kien jidher id-demm.
Il-vittma qalilhom li kellu argument ma’ Maverick Azzopardi u l-Pulizija marret fir-residenza tiegħu u sabitu jilgħab il-playstation. Lill-Pulizija l-ħati qalilhom li kellhom argument bl-idejn fil-komun tal-blokka ta’ fejn joqgħod il-vittma u li l-vittma kien tah daqqa ta’ xkupa u saħansitra qasam il-lasta tal-ixkupa fuqu.
Il-vittma minn naħa tiegħu qal li hu u l-akkużat kellhom argument fuq xi ħaġa żgħira fuq Messenger ftit qabel l-inċident. Qal li l-akkużat mar għalih id-dar. Tenna li fetaħ il-bieb ta’ barra tal-komun u l-akkużat ħebb għalih b’sikkina.
Tenna li prova jiddefendu lilu nnifsu iżda laqtu b’sikkina f’diversi postijiet f’wiċċu u f’widnejh. Kompla jgħid li biex jiddefendi ruħu qabad lasta ta’ xkupa u beda jtih biha. Espert qal lill-Qorti li ma sabx demm fuq is-sikkina iżda sab traċċi ta’ demm tagħhom fuq il-lasta tal-ixkupa.
Il-Qorti qalet li ma tara l-ebda raġuni għala tiddubita mill-verżjoni tal-vittma. Hija sabitu ħati li weġġa’ lir-raġel iżda mhux gravi. Il-Qorti qieset il-fatt li l-akkużat għandu diffikultajiet personali u soċjali li jixtieq jegħleb u ngħata l-għajnuna diversi drabi.
Jirriżulta li l-akkużat ibati minn ansjetà u ġieli dar għad-droga. Huwa qed isegwi programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga u jixtieq li jgħin lilu nnifsu iżda m’għandux is-saħħa interna li jibda programm residenzjali għar-rijabilitazzjoni tad-droga.
Il-Maġistrat qal li piena ta’ ħabs mhix waħda idonea f’dan il-każ u li se jibbenefika minnha. Għaldaqstant, tagħtu ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ sentejn. Hija ordnat li jagħmel ordni ta’ trattament sakemm itemm b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.
//= $special ?>