Lokali Qorti

Raġel u bintu akkużati li kkaġunaw ġrieħi gravi fuq mara waqt ġlieda fil-Ħamrun

Raġel ta’ 59 sena residenti l-Imsida u bintu ta’ 35 sena, residenti l-Ħamrun ġew akkużati li nhar il-Ħadd li għadda wara nofs inhar fil-Ħamrun mingħajr il-ħsieb li joqtlu, kkaġunaw ġrieħi ta’ natura gravi fuq mara. Huma ġew mixlijin ukoll li wettqu nġurji b’mod li ħarġu barra mill-limiti tal-provokazzjoni, li ħebbew għall-allegata vittma u li kisru l-paċi pubblika.

Il-Misidjan waħdu ġie mixli li l-Ħadd stess kkawża lil ħaddieħor biża’ li se tintuża vjolenza kontrih jew ħsara fil-propjetà tiegħu, u li dawn ir-reati seħħew b’arma fil-preżenza ta’ minuri. Huwa ġie mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li kien qed jagħmel reat kontra s-sigurtà tal-Gvern u li kellu fuq il-persuna tiegħu munizzjon, u li ġarr arma mhux speċifikata fil-liċenzja.

L-Ispettur Sarah Kathleen Zahra qalet li nhar il-Ħadd li għadda l-Pulizija rċeviet rapport dwar ġlieda fi Triq Alexander Ħamrun fejn jittrenjaw in-nursery ta’ Ħamrun Spartans. Hemm instabet mara feruta u numru ta’ nies oħra kienu fuq il-post.

Meta l-mara feruta tkellmet mal-Pulizija qalet li argumentat mal-imputata u anke mar missierha fuq il-post meta u dan l-argument beda bein iż-żewġ nisa. Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li f’kelma waħda, il-missier – daħal bejn il-basla u qoxritha.

Il-Prosekutur qalet li kien hemm nies oħra nvoluti fil-ġlieda, u li r-raġel daħal fid-dar u ħareġ fil-gallerija u u beda jgħajjat – “naħlihom kollha fuqkhom dawn”. Dwar il-ġerħiet tal-vittma, rriżulta li l-vittma kellha waħda fuq għajnejha, u qalgħet daqqiet miż-żewġ imputati, waħda minnhom fonda u li skont il-vittma saret mir-raġel akkużat.

Mistoqsija mill-Qorti fuq xhiex iġġieldu, l-Ispettur Zahra qalet li l-vittma kienet f’bar biswit fejn seħħ l-inċident u kif ħarġet barra osservat lill-akkużata qed tkellem lil binha fejn qaltilha – ‘għandek tifel arroganti’, beda jitla’ fuq it-trakk ta’ missieri biex jieħu ballun.” It-tifel għandu 10 snin.

Fil-Qorti ħareġ li hemm filmati tal-inċident. Kien hemm ukoll nies oħrajn li għadhom qed jiġu investigati, fejn kien hemm nies oħrajn li daħlu fil-ġlieda li spiċċat kibret. Il-Qorti qalet li dan il-pajjiż sa mill-iskola għandu jintroduċi suġġett dwar kif nirrispettaw lil xulxin, u kif ngħidu – sorry, please u thank-you.

Il-Qorti qalet ukoll li l-ġenituri għandhom ikun ta’ eżempju u mhux kif ġieli jiġri jispiċċaw jattakkaw xi għalliem meta ma jaqblux miegħu. Hemm bżonn ta’ sens ta’ tolleranza, aħseb u ara kemm se nittoleraw lill-barrani, kompla jgħid il-Maġistrat, li tkellem ukoll dwar is-sens ta’ solidarjetà, fejn saħaq li mhux għal kelma, nirrispondu b’10 lura.

L-Ispettur li ressqet lill-akkużati qalet ukoll li saret tfittxija fid-dar u tal-akkżat fejn istabu seba’ armi, kollha bil-liċenzja. Il-Qorti mponiet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegata vittma sakemm jinqata’ l-każ filwaqt li ċaħdet divjet wara talba mid-difiża fil-konfront tal-akkużati.

Saret talba għall-pleġġ mid-difiża li kienet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni bil-Qorti tilqa’ t-talba tad-difiża fuq depożitu ta’ 500 ewro u garanzija personali ta’ 4,500 ewro. Ġie ordnat curfew fil-konfront taż-żewġ akkużati bil-mara trid tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun darba fil-ġimgħa filwaqt li missierha jiffirma darbtejn fil-ġimgħa.

Għalihom deheru l-Avukati Anthony Farrugia u Roberto Spiteri filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, mgħejjuna mill-Avukati Joseph Camilleri Azarov u Jurgen Dalli li rrappreżentaw lill-AĠ.