Lokali

Robert Abela f’silenzju dwar l-isptarijiet u dwar Muscat

Robert Abela m’għandu ebda soluzzjoni dwar kif se jsolvi l-kriżi li welled huwa stess fl-Isptar Mater Dei, fuq il-pazjenti u l-ħaddiema tas-settur mediku

Wara li l-Gvern ta €400 miljun lil Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare f’kuntratti dikjarati mill-Qrati Maltin bħala frawdolenti; r-real deal mwiegħed mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ta lilll-poplu Malti u Għawdxi barumbara tal-ħamiem.

Sptar San Luqa li suppost kellu jserraħ u jagħti servizz mediku biex ikun ta’ spalla għall-Isptar Mater Dei spiċċa fi stat delapitat bħalma kixfu l-filmati ta’ Net News fil-ġimgħat li għaddew.

U minkejja dan kollu, minkejja li l-Gvern spiċċa bi tlett sptarijiet taħt ir-responsabbiltà tiegħu fil-budget imħabbar ġimgħa ilu mill-Ministru Clyde Caruana ma ssemma ebda investiment għall-Isptar San Luqa.

Għaldaqstant it-Tnejn filgħaxija Net News staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela x’investiment se jkun qed jagħmel rigward dan iżda ma rċevejna ebda risposta.

Staqsejna wkoll kif se jkun qed isolvi l-kriżi li hemm fl-Isptar Mater Dei b’pazjenti rikoverati fil-librerija, fil-canteen, f’livelli mingħajr twieqi, dawl naturali, postijiet diċenti fejn jinħaslu – għad-detriment tal-pazjenti nfushom u anke tal-ħaddiema iżda anke hawn ma rċevejna ebda risposta.

Intant, staqsejnih wkoll jekk jaqbilx mal-aħħar dikjarazzjonijiet li għamel il-predeċessur tiegħu Joseph Muscat fl-attakki fil-konfront tat-tobba u l-ġudikatura iżda hawn ukoll irċevejna silenzju b’Abela fl-ebda mument ma jidhirlu li għandu jiddefendi lil dawk li jispiċċaw taħt il-mira t’attakki għax sempliċiment jaqdu dmirhom.